Lejla Ta’ Apprezzament Għall-Kontribut Tal-Kunsilli Lokali Fil-Komunità

Il-Ġimgħa filgħaxija, ġewwa Villa Bighi fil-Kalkara, ittellgħet attività organizzata mis-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali flimkien mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, li matulha ġiet iċċelebrata u rikonoxxuta l-ħidma kontinwa tal-kunsilli lokali fil-qalba tal-komunitajiet.



L-avveniment kien imqassam fi tliet taqsimiet distinti li enfasizzaw il-passat, il-preżent u l-futur tal-gvern lokali. Fil-bidu, preżentazzjoni awdjoviżiva offriet ħarsa storika lejn l-iżvilupp tal-ewwel strutturi ta’ gvern lokali f’Malta. Wara, esebizzjoni wriet b’mod konkret il-kontribut tal-kunsilli lokali matul l-aħħar snin, permezz ta’ diversi inizjattivi, proġetti u servizzi li wasslu għal titjib fil-lokalitajiet.



Il-parti finali ffukat fuq il-ġejjieni, b’perspettiva mogħtija minn żewġ tfal, Mariah Vella (10 snin) u Ilyas Ige Sultana (12-il sena). Fid-diskorsi tagħhom, huma enfasizzaw li r-rwol tal-kunsilli lokali jmur lil hinn minn titjib fil-pajjiż, u għandu jservi wkoll biex jinbena futur aħjar għal kulħadd. Iż-żewġ żgħażagħ huma parti mill-programm RIGHTS immexxi mill-Malta Foundation for the Wellbeing of Society.



Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli sostniet li l-kunsilli lokali jibqgħu pilastru ewlieni fil-ħajja komunitarja, u li matul is-snin għaddew minn żvilupp sostanzjali. Hija semmiet iż-żieda sinifikanti fil-finanzjament mill-gvern, kif ukoll numru ta’ skemi u proġetti li taw spinta lill-kwalità tal-ħajja tar-residenti. “Fl-aħħar erba’ snin ġew implimentati 31 skema b’investiment li jaqbeż il-€21 miljun, li rriżultaw f’għadd kbir ta’ inizjattivi madwar Malta u Għawdex,” qalet Zerafa Civelli.

Hija żiedet tispjega kif l-investiment f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-governanza tajba qed isaħħaħ il-kunsilli lokali sabiex ikomplu joffru servizzi aħjar u jibnu komunitajiet aktar sostenibbli u inklussivi. Enfasizzat ukoll l-importanza tal-kollaborazzjoni ma’ entitajiet differenti, kif ukoll il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-futur. “Il-ħidma tagħna trid tibqa’ tħares ’il quddiem, b’viżjoni ċara li tqiegħed liċ-ċittadin fiċ-ċentru, anke f’kuntest tal-Viżjoni Malta 2050,” temmet tgħid.

Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-kunsilli tat-tfal qasmu l-viżjoni tagħhom għal futur mibni fuq il-paċi, is-sostenibbiltà u l-inklussività. Huma saħqu fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tat-tfal u ż-żgħażagħ, il-ħarsien tat-tradizzjonijiet u l-ħtieġa li l-opportunitajiet ikunu aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI