Din il-qattusa ħelwa ta’ tmien ġimgħat bl-isem ta’ Lexy qed tfittex id-dar tagħha fejn tkun tista’ tikber, tilgħab u tagħti l-imħabba kollha li għandha x’toffri.
Lexy hija qattusa griża tat-tip ‘tabby’ b’personalità kbira u ħafna enerġija pożittiva. Skont CSAF, hija estremament soċjevoli kemm man-nies kif ukoll ma’ qtates oħra, u tħobb tqatta’ l-ġranet tagħha ddur, tilgħab u tiskopri affarijiet ġodda.
“Jekk hemm ġugarell viċin tagħha, Lexy ssibu. U jekk ma jkunx hemm, probabbilment tivvintah hi,” qalet l-organizzazzjoni.Minħabba n-natura attiva tagħha, Lexy għandha bżonn dar fejn ikun hemm tal-anqas qattus ieħor jew qattus żgħir taħt sena li jkun jista’ jilgħab magħha kuljum. Hija tħobb tiġri, tilgħab, titħabat u tifraħ ma’ sħabha l-annimali l-oħra.
CSAF qalet li Lexy dalwaqt tkun lesta għall-adozzjoni u qed tittama li ssib familja li tagħtiha l-imħabba u l-kura li jixirqilha.
FB/ CSAF