Lil Hinn Minn Miżuri Ekonomiċi u Soċjali: X’Tip ta’ Soċjetà Qegħdin Nibnu?

Caritas Malta

Caritas Malta tilqa’ b’sodisfazzjon il-firxa ta’ miżuri soċjali mħabbra fil-Budget 2027 li jagħrfu l-importanza ta’ investiment kontinwu fil-ġid tal-individwi, il-familji u l-komunitajiet.

Caritas Malta tirrikonoxxi:

  • Iż-żidiet fil-pensjonijiet u fil-paga minima, l-appoġġ għal persuni b’diżabilità, is-sostenn tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal żgħażagħ li jeħtieġu programmi ta’ riabilitazzjoni fit-tul, kif ukoll aktar għajnuna għal familji fil-bżonn.
  • Is-sussidji fuq l-enerġija jibqgħu miżura importanti biex jiżammu taħt kontroll iż-żidiet fl-ispiża tal-għajxien ta’ kuljum.
  • L-aġġornament ta’ tax brackets  bil-għan li jsostni b’mod finanzjarju lill-familji bit-tfal.
  • L-impenn tal-gvern għal kollaborazzjoni kontinwa ma’ diversi NGOs b’għan soċjali, permezz ta’ service agreements eżistenti u ġodda, huwa wieħed ta’ min ifaħħru.
  • L-appoġġ tal-gvern lill-NGOs jikkontribwixxi direttament għal involviment akbar fil-volontarjat u għall-impenn soċjali favur il-ġid komuni fis-soċjetà tagħna.
  • Ir-referenza għal-low wage commission u l-ħidma tagħha biex tkompli tevalwa l-paga minima.
  • Iż-żieda fit-tariffi relatati mar-reġistrazzjoni ta’ dgħajjes privati għar-rikreazzjoni tidher li hija bħala ġusta fid-dawl tas-sussidji sinifikanti fuq il-fuel.
  • Wieħed jittama wkoll li ż-żieda fl-eko-tax, bil-għan li jitnaqqsu l-effetti ekonomiċi, soċjali, infrastrutturali u ambjentali negattivi ta’ turiżmu ta’ volum għoli u rendiment baxx, tilħaq ukoll l-effett mixtieq tagħha.

Min-naħa l-oħra, Caritas Malta tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-mod ta’ kif ġew indirizzati ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs).

Fosthom il-miżuri li jimponu tariffi u ħlasijiet għal servizzi li qabel kienu jiġu offruti mingħajr ħlas jirriskjaw li jkomplu jsaħħu d-distinzjoni bejn dawk huma meqjusa bħala denji bis-sħiħ tad-dinjità u l-protezzjoni soċjali u dawk li l-preżenza tagħhom f’Malta hija meqjusa primarjament minn perspettiva ekonomika jew tal-isfruttament ekonomiku.

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi illum huma parti essenzjali mill-ekonomija u mis-soċjetà tagħna. Sfortunatament, huma grupp partikolarment vulnerabbli, fejn sehem sostanzjali tal-ħaddiema migranti f’Malta kienu esposti għal arranġamenti ta’ xogħol prekarju, sfruttament u ksur tad-drittijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol.

Dawn jinkludu prattiċi li għadhom jippersistu sal-lum il-ġurnata bħal; pagi ferm aktar baxxi u n-nuqqas li tingħata l-paga doppja legalment dovuta għal xogħol imwettaq nhar ta’ Ħadd u festi pubbliċi.

Għaldaqstant, iż-żieda fil-pressjonijiet ekonomiċi fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tkompli żżid il-piż li ħafna minnhom diġà qed iġorru, partikolarment meta wieħed iqis ukoll l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni mikrija u l-għoli tal-ħajja ta’ kuljum.

Miżuri relatati maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jistgħu, anke mingħajr intenzjoni, jsaħħu l-perċezzjoni li dawn huma bnedmin ta’ valur inqas, jirriskjaw li jagħmlu ħsara lill-valuri fundamentali ta’ dinjita’, tas-solidarjetà, il-ġustizzja u l-kompassjoni li storikament sawru lis-soċjetà Maltija.

Miżuri bħal dawn jirriskjaw li jkomplu jkabbru d-diviżjonijiet u jesponu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal riskju akbar ta’ atteġġjamenti u prattiċi diskriminatorji fl-impjieg minn dawk li jfittxu li jisfruttawhom.

Malta kienet minn ta’ quddiem fit-tkabbir ekonomiku u ppreżentat baġits konsekuttivi b’sensittività soċjali. Dan m’għandux jiġi a skapitu taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jista’ jwassal għal sentimenti razzisti jew diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom.

Wieħed jittama wkoll għal infurzar aktar effettiv u msaħħaħ sabiex, jitrażżnu dawk li jimpjegaw u li għadhom jisfruttaw liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Irridu nkomplu kollettivament niġġieldu l-abbuż li dawn in-nies qed issofru ta’ kuljum mingħajr ma jiġu mismugħa.

Bħala konklużjoni, Caritas Malta tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-isfidi reali li jirriżultaw mit-tkabbir tal-popolazzjoni. Dan jirrikjedi miżuri biex jiġi ġestit dan it-tkabbir, inkluża l-adozzjoni ta’ policies ġusti u bilanċjati għall-ħaddiema migranti sabiex jiġi regolat l-impjieg taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Madankollu, huwa essenzjali li l-piż biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi ma jaqax b’mod sproporzjonat fuq dawk li diġà huma fost l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Fl-istess waqt, is-soċjetà tagħna għandha tkompli tistinka biex iżżomm u ttejjeb il-livell ta’ protezzjoni soċjali, tħares l-ambjent fiżiku u soċjali, tindirizza l-isfidi marbuta ma’ akkomodazzjoni affordabbli, tnaqqas il-ħela u tnissel kultura ta’ użu responsabbli tar-riżorsi, kontabbiltà u responsabbiltà.

Caritas Malta tappella għal responsabbiltà kollettiva biex jintlaħqu dawn l-għanijiet flimkien mal-awtoritajiet ċivili.

Ritratt:

Facebook/ Caritas Malta

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI