Caritas Malta ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall-Anzjani b’ċelebrazzjoni speċjali fil-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal il-Ġdid, bit-tema Ma Ninsiek Qatt.

Aktar minn elf persuna ngħaqdu għal din l-okkażjoni, fosthom anzjani mill-komunitajiet parrokkjali u residenti minn diversi djar tal-anzjani madwar Malta. Il-Quddiesa tmexxiet minn Mons. Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-Djakonija, flimkien ma’ diversi saċerdoti oħra.

Mument partikolari matul l-attività kien is-sehem tar-residenti mill-Programmi ta’ Riabilitazzjoni ta’ Caritas Malta, li għenu lill-anzjani bħala parti minn esperjenza li permezz tagħha setgħu jagħtu xi ħaġa lura. “Lilna tawna ħafna; issa jmiss lilna li nagħtuhom xi ħaġa lura,” qal wieħed mir-residenti.

Dan il-messaġġ kien proprju fil-qalba taċ-ċelebrazzjoni, li fakkret fil-kontribut importanti li l-anzjani taw u għadhom jagħtu lill-familji u lis-soċjetà tagħna. Caritas Malta saħqet fuq l-importanza li l-anzjani jibqgħu ċċelebrati, mismugħa u apprezzati, filwaqt li tenniet l-impenn tagħha li tibqa’ qrib dawk li huma vulnerabbli u taħdem biex ħadd minnhom ma jħossu waħdu jew minsi.