L-avukata Yanica Barbara qasmet messaġġ qawwi fuq il-midja soċjali fejn esprimiet ir-rabja u l-frustrazzjoni tagħha dwar sitwazzjoni li, skontha, qed jgħaddi minnha missier li allegatament qed jiġi mċaħħad mill-kuntatt ma’ wliedu. "Ma niflaħx nibqa’ iżjed siekta," bdiet tikteb l-avukata, hekk kif irrakkontat kif dan il-missier kien ilu xhur jistenna l-okkażjoni tal-Griżma tal-Isqof ta’ ibnu, iżda minkejja li attenda għall-quddiesa, allegatament lanqas tħalla jieħu ritratt wieħed miegħu.
Yanica saħqet li okkażjonijiet bħal dawn iseħħu darba biss fil-ħajja u esprimiet id-diżappunt tagħha għal dak li ddeskriviet bħala tentattiv ta’ vendetta permezz tat-tfal. Hija qajmet ukoll tħassib dwar l-impatt emozzjonali li sitwazzjonijiet bħal dawn jista’ jkollhom fuq il-ġenituri, filwaqt li għamlet referenza għall-konsegwenzi serji li tista’ ġġib magħha t-tbatija psikoloġika. L-avukata appellat għal passi legali aktar effettivi kontra dawk li, mingħajr ġustifikazzjoni, iċaħħdu lit-tfal mill-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor. Hija sostniet li għandu jkun hemm ukoll konsegwenzi kriminali għal imġiba bħal din.
"Il-bqija inutli ħafna mental health awareness u kummiedji. Azzjoni reali hemm bżonn jekk verament għandna qalbna man-nies," temmet tgħid Yanica. Il-messaġġ tagħha jqajjem diskussjoni dwar l-importanza li jitħarsu l-interessi tat-tfal u li dawn ma jispiċċawx vittmi ta’ kunflitti bejn il-ġenituri.
Ta’ min jinnota li d-dettalji tal-każ huma bbażati fuq ir-rakkont tal-avukata, iżda każijiet bħal dawn smajna dwarhom.
Facebook / Yanica Barbara