“Meta Verament Se Nirrispettaw Ilsienna?” – Roderick Azzopardi Custo Jaqsam Il-Kritika Ta’ Turist Dwar L-Użu Tal-Malti

Il-preżentatur Roderick Azzopardi Custo qajjem diskussjoni dwar l-użu tal-lingwa Maltija f’pajjiżna, hekk kif qasam kumment ta’ turist barrani li żar Malta għall-ewwel darba u esprima d-diżappunt tiegħu dwar kemm ftit ra l-Malti jintuża fil-kitba. It-turist, Alex Senoner, spjega li matul iż-żjara tiegħu f’Malta ħa gost bl-ikel, il-kultura u l-pajsaġġ Malti, iżda bħala persuna li tħobb il-lingwi, ħassu diżappuntat li l-lingwa Maltija bilkemm kienet tidher madwaru.

"Kont Malta għall-ewwel darba. Għoġobni l-ikel, il-kultura u l-pajsaġġ mimli blat. Iżda bħala persuna li tħobb il-lingwi, kont verament diżappuntat b’kemm il-lingwa Maltija hija inviżibbli," kiteb it-turist. Huwa kompla billi sostna li għalkemm jisma’ lin-nies jitkellmu bil-Malti, ħafna mir-reklami, il-menus, il-ħinijiet tal-ftuħ u anke diversi tabelli tat-toroq huma bl-Ingliż biss.

Dan il-kumment wassal lil Roderick biex jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rispett lejn il-lingwa nazzjonali tagħna. "Meta verament se nirrispettaw ilsienna? Intqal li se tintuża aktar il-lingwa Maltija, għaddew il-ġranet u ma nbidel xejn!" kiteb il-preżentatur.

Huwa saħaq ukoll fuq il-fatt li din il-kritika mhijiex ġejja minn Malti, iżda minn barrani li żar pajjiżna u nnota hu stess in-nuqqas ta’ preżenza tal-lingwa Maltija. "Qed jgħidu li dan mhux Malti bħalna, imma barrani li ġie f’pajjiżna. Allura fejn hu r-rispett lejn il-lingwa tagħna?" staqsa Roderick.

Il-kummenti tagħhom iqajmu mistoqsijiet dwar il-post li qed tingħata l-lingwa Maltija fil-ħajja ta’ kuljum, partikolarment f’postijiet pubbliċi, stabbilimenti kummerċjali u materjal informattiv. Intom x’taħsbu? Għandu l-Malti jingħata aktar prominenza fuq it-tabelli, ir-reklami u l-menus f’pajjiżna?

Ritratt:

Facebook / Roderick Azzopardi Custo

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI