Jum speċjali ferm għall-familja ta’ Rachel Vella, hekk kif binha Nicholas Aquilina Vella, magħruf bħala Niki, illum beda kapitlu ġdid u importanti f’ħajtu bħala student fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università ta’ Malta. F’messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, Rachel qasmet il-kburija tagħha għal dan il-pass, li jiġi wara snin ta’ ħidma, determinazzjoni u ħolma li ilha tikber fih minn meta kien għadu żgħir.
Skont Rachel, minn madwar l-età ta’ sitt snin Niki kien diġà affaxxinat mix-xjenza. Maż-żmien, din il-kurżità kompliet tikber u nbidlet f’ambizzjoni ċara li jibni karriera fil-qasam mediku, b’interess partikolari fir-riċerka dwar il-kanċer, l-onkoloġija u l-kura u t-trattament tal-pazjenti bil-kanċer. Rachel irringrazzjat ukoll lil dawk kollha li matul is-snin emmnu fil-potenzjal ta’ binha u tawh l-appoġġ u l-inkoraġġiment meħtieġ biex jasal għal dan il-mument.
Fil-messaġġ tagħha ma naqsitx referenza emozzjonanti għan-nanna tiegħu Carmen, li kienet tixtieq ħafna li tgħix biżżejjed biex tara dan il-jum. Rachel qalet li tinsab ċerta li, minn fejn tinsab, qed tħares lejh bi kburija kbira, bħalma huma kburin bih Nanna Rita, Nannu Charles, Colin u l-kumplament tal-familja. “Dan huwa biss il-bidu,” kitbet Rachel, filwaqt li rrikonoxxiet li quddiem Niki hemm triq twila ta’ studju, sagrifiċċji, sfidi u tkabbir, iżda wkoll it-tama li xi darba jkun jista’ jagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ ħaddieħor.
“Nicholas Aquilina Vella, ma nistgħux inkunu aktar kburin bik,” temmet tgħid. Awguri lil Niki għal dan il-kapitlu ġdid u għal dan l-ewwel pass fi vjaġġ li jittama li jwasslu biex fil-futur jagħti l-kontribut tiegħu f’qasam tant importanti.
Facebook / Rachel Vella