“Madwar Din Il-Knisja Llum Hemm Belt Kompluta, L-Aktar Bil-Lukandi, Appartamenti Moderni U Stabbilimenti Tad-Divertiment” – St. Julian’s Malta

Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, St. Julian’s Malta qasmu mas-segwaċi tagħhom ftit informazzjoni interessanti dwar il-Knisja tal-Bon Kunsill u l-inħawi tal-madwar.

Huma qalu, “Giuseppe Pace, avukat u imprenditur kbir tal-bini, kien bena knisja żgħira u dar lill- patrijiet Agostinjani. Din il-knisja kienet ikkonsagrata fl-1936, u ddedikata lill-Madonna tal-Parir it-Tajjeb (Tal-Buon Kunsill).”

Żiedu, “Biż-żmien Pace kien tella’ aktar bini fl-inħawi li jagħtu għal fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ. Herbert Ganado, fil-ktieb tiegħu ‘Rajt Malta Tinbidel’, jgħid li wara li l-Avukat Pace kien investa f’bosta bini f’Tas-Sliema, hu kien semma waħda mit-toroq ta’ hemm għalih. Biss, il-Gvern kien għoġbu li wara ċertu żmien ibiddel l-isem ta’ din it-triq b’isem ta’ Pace ieħor, u kien semmieha għall-Arċisqof Pace. Kien wara dan il-każ, jgħid Ganado, li dan l-imprenditur, meta kien qiegħed jibni bosta bini f’Paceville, iddeċieda li din id-darba jsemmi mhux biss triq, iżda l-inħawi fejn kien ser jibni kollha għalih.”

Qalu wkoll, “Din iż-żona ta’ bini sejħilha ‘l-Belt ta’ Pace’, jew aħjar Paceville. Il-knisja tal-Bon Kunsill li hemm illum kienet mibnija fl-1967, fuq stil modern. Madwar din il-knisja llum hemm belt kompluta, l-aktar bil-lukandi, appartamenti moderni u stabbilimenti tad-divertiment tant imfittxija mill-Maltin, l-aktar dawk żgħażagħ u mit-turisti.”







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI