Magna Ġdida Mistennija Tnaqqas Il-Ħin Tat-Tindif Fl-Imdina B’Madwar 60%

L-Imdina se tkun qed tibbenefika minn magna elettrika ġdida għall-ħasil tat-toroq, li mistennija tnaqqas il-ħin meħtieġ għat-tindif b’madwar 60%. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tkompli ttejjeb l-indafa ta’ din il-belt storika, li kull sena tilqa’ madwar 2.5 miljun turist.

Il-magna ngħatat lill-Kunsill Lokali tal-Imdina mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni u hija mfassla apposta biex tintuża f’żoni urbani fejn l-aċċess ikun limitat. Bis-saħħa tad-daqs kompatt tagħha, tista’ taħdem b’mod effiċjenti anke fit-toroq dojoq u irregolari li jikkaratterizzaw lill-Imdina.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, waqt żjara fil-belt, fejn flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Jude Zammit, u s-Sindku tal-Imdina, Peter Joseph Dei Conti Sant Manduca, setgħet tara l-magna taħdem.

Il-Ministru spjegat li din l-inizjattiva hija parti mill-impenn tal-Gvern biex il-Kunsilli Lokali jingħataw aktar riżorsi u għodod moderni ħalli joffru servizzi aħjar lir-residenti u lill-viżitaturi. Il-magna għandha tank li jesa’ 210 litri ilma u tintuża wara l-knis biex it-toroq jinħaslu aktar fil-fond. Dan il-proċess jgħin ukoll biex jitneħħew residwi li jistgħu jattiraw l-insetti, partikolarment matul ix-xhur sħan tas-sena.

Vantaġġ ieħor huwa li l-magna taħdem kompletament bl-elettriku, b’awtonomija ta’ bejn sitt u tmien sigħat għal kull ċarġ. Minbarra li ma tipproduċix emissjonijiet waqt it-tħaddim, hija wkoll aktar silenzjuża minn makkinarju tradizzjonali, fatt importanti għal belt magħrufa bħala l-‘Belt Siekta’. Minħabba l-wirt storiku u l-karatteristiċi uniċi tal-Imdina, il-magna se titħaddem minn ħaddiema mħarrġa u bi pressjoni adattata biex jiġu protetti l-uċuħ tat-toroq. Żoni aktar delikati, fosthom it-turġien u l-kantunieri, se jibqgħu jitnaddfu manwalment.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Imdina laqa’ din l-inizjattiva bħala pass ieħor biex il-belt tibqa’ nadifa, miżmuma tajjeb u attraenti kemm għal dawk li jgħixu fiha kif ukoll għall-eluf ta’ persuni li jżuruha kuljum.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI