Matul konferenza internazzjonali dwar ix-xogħol f’Geneva, li attendewha l-pajjiżi kollha membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol – is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Dr Andy Ellul, tenna l-impenn tal-Gvern Malti lejn aktar ġustizzja soċjali u xogħol dinjituż. Dawn huma żewġ valuri importanti li l-ILO qed tisħaq fuqhom, speċjalment fil-bidla li qed issir minn ekonomija informali għal waħda formali, fejn il-ħaddiema jkollhom kundizzjonijiet u pagi regolati.
Filwaqt li kien qed jitkellem fil-plenarja, quddiem diversi imsieħba soċjali minn Malta, Dr Ellul qal li minkejja li d-dinja qed tinbidel b’rata mgħaġġla, il-Gvern Malti jibqa’ jagħti l-ewwel importanza lill-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema. Huwa fakkar li Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li ħadet azzjoni biex tirregola xogħol fuq il-pjattaformi diġitali, billi daħħlet regoli biex tiżgura li l-pagi qatt ma jaqgħu taħt il-paga minima. B’dan il-mod, beda jitnaqqas l-isfruttament f’dan is-settur u ġew stabbiliti kundizzjonijiet aktar ġusti li jagħtu rispett u dinjità lill-ħaddiema.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Ġeneva, Dr Ellul iltaqa’ wkoll mal-Ministri tax-xogħol ta’ Ċipru u l-Litwanja, Yiannis Panayiotou u Inga Ruginienė. Il-laqgħat iffukaw l-aktar fuq il-qagħda tal-ħaddiema fuq il-pjattaformi diġitali u l-liġijiet li jirregolaw dan is-settur. It-tnejn li huma rrikonoxxew li Malta mhux biss kienet minn ta’ quddiem fl-Ewropa li mexxiet f’din id-direzzjoni, imma anke qed tispikka bħala eżempju għal pajjiżi ferm akbar.
Dr Ellul qal, “Bħala min hu responsabbli minn dan is-settur, jien kuntent li pajjiżi oħra qed iħarsu lejn Malta biex nitkellmu dwar kif ħdimna u x’qegħdin niksbu. Mhux biss qed naqsam magħhom il-politika tagħna, imma wkoll ir-riżultati konkreti li qed naraw.” Żied jgħid: “Li għamilna f’Malta ma kienx biss tajjeb għall-ħaddiema tagħna, imma qiegħed juri wkoll li pajjiż żgħir bħal tagħna jista’ jservi ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. U dan jinkoraġġina nibqgħu naħdmu għal liġijiet tax-xogħol li tassew jagħmlu differenza.”