Aktar minn 210 atleta żagħżugħ u żagħżugħa minn diversi pajjiżi Ewropej, kif ukoll minn barra l-kontinent, ikkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ewwel edizzjoni tat-Tallinja Malta Youth International Athletics Festival. L-avveniment se jsir is-Sibt 4 ta' Lulju fit-trakka tal-Matthew Micallef St John fil-Marsa.
Organizzat minn Athletics Malta, il-festival huwa maħsub biex isir appuntamenti annwali importanti fil-kalendarju tal-atletika internazzjonali għaż-żgħażagħ. Il-kompetizzjoni hija miftuħa għal atleti mwielda bejn l-2009 u l-2015 u għandha l-għan li toffri esperjenza ta' livell għoli, filwaqt li tagħti wkoll lill-atleti Maltin l-opportunità li jikkompetu ma' talent internazzjonali.
L-ewwel edizzjoni diġà ġibdet interess qawwi, b'parteċipazzjoni sinifikanti minn reġjuni differenti tal-Italja, fosthom il-Lombardija, kif ukoll minn diversi pajjiżi Ewropej oħra u anke mill-Afrika. Dan jagħti lill-festival dimensjoni tassew internazzjonali u jkompli jsaħħaħ il-profil tiegħu sa mill-ewwel sena.

Fost l-aktar aspetti pożittivi tal-avveniment hemm ukoll il-parteċipazzjoni ta' numru ta' atleti ta' Special Olympics. Din tirrifletti l-impenn ta' Athletics Malta favur sport aktar inklużiv, fejn kulħadd jingħata l-opportunità li jikkompeti, jiżviluppa u jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Skont l-organizzaturi, il-livell ta' interess li wera dan il-festival jikkonferma d-domanda għal kompetizzjoni internazzjonali ta' kwalità għaż-żgħażagħ fir-reġjun, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-viżjoni li Malta ssir destinazzjoni ewlenija għall-organizzazzjoni ta' avvenimenti internazzjonali tal-atletika.
L-avveniment qed isir bl-appoġġ ta' Malta Public Transport, bħala parti mis-sħubija tagħha ma' Athletics Malta.
Bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet sabiex l-organizzaturi jilqgħu lill-atleti, il-kowċis u l-familjari tagħhom għal din l-ewwel edizzjoni. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi u jagħti l-appoġġ tiegħu lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' atleti. Id-dħul huwa b'xejn u l-kompetizzjonijiet se jsiru matul il-ġurnata kollha fl-Istadium Matthew Micallef St John fil-Marsa.