Elisa Polidano qasmet il-vjaġġ diffiċli li għaddiet minnu wara li sentejn ilu ġiet iddijanjostikata bl-iskoljożi (scoliosis). Elisa rrakkontat li meta nstabet il-kundizzjoni, it-tobba qalulha li ma kellhiex għalfejn tinkwieta, iżda li kellhom isegwu kif kienet se tikber l-ispina ta’ daharha hekk kif kienet qed titwal.
Sfortunatament, l-ispina tagħha kompliet titgħawweġ u t-tobba ddeċidew li kellha tilbes back brace tal-plastik għal 23 siegħa kuljum. "Din spiss kienet twaqqafni milli nagħmel l-affarijiet li kont nieħu pjaċir nagħmel, u nammetti li għamlitli ħajti diffiċli ħafna."
Madankollu, wara ftit xhur irriżulta li l-back brace ma kinitx qed tagħti r-riżultati mixtieqa. "Wara ftit xhur indunajna li l-back brace ma kinitx qed tgħin lill-ispina; anzi, kienet qed tiggrava s-sitwazzjoni." Hija spjegat li l-unika soluzzjoni kienet li tagħmel żewġ operazzjonijiet minħabba li l-ispina tagħha kienet mgħawwġa minn żewġ naħat.
"Nammetti li kont beżgħana, għax ma kontx naf minn xiex kont se ngħaddi u x'kien se jiġri. Imma kont naf fiċ-ċert li kieku ma nagħmilx l-operazzjonijiet, kont se nbati ħafna fil-futur." Fortunatament, wara ħafna tbatija, Elisa ħabbret li ż-żewġ operazzjonijiet irnexxew.
"Għall-grazzja tal-Mulej, wara ħafna tbatija, nista' ngħid li l-operazzjonijiet għaddewhom b'suċċess. Naf li hemm triq twila biex nirkupra u nerġa' nsir l-Elisa li tafu intom, imma nassigurakom li mexjin bil-mod u li xi darba se naslu, żgur u mhux forsi!" Fil-messaġġ tagħha, Elisa rringrazzjat lis-Sur Lehovskey, li ddeskriviet bħala "l-moħħ wara dan kollu", kif ukoll lit-tobba, lin-nurses, lill-qraba, lill-ħbieb u lill-għalliema li marru jżuruha l-isptar.
"Il-preżenza tagħkom kienet tagħtini ftit kuraġġ kuljum, u tassew napprezzaha." L-akbar ringrazzjament, iżda, mar għand il-ġenituri tagħha. "Veru napprezza l-imħabba tagħkom u nħossni kburija li għandi ġenituri bħalkom." Fl-aħħar tal-messaġġ tagħha, Elisa bagħtet kelma ta’ kuraġġ lil kull min qed jiffaċċja sfidi simili.
"Għal kull min qed jgħaddi minn sitwazzjoni simili għal tiegħi, nixtieq ninkuraġġikom biex qatt ma taqtgħu qalbkom. Ibqgħu mexjin ’il quddiem, pass pass."
Facebook / Elisa Polidano