Malta Ttenni L-Impenn Tagħha Favur Akkomodazzjoni Affordabbli, Sigura U Aċċessibbli Għal Kulħadd

Waqt laqgħa informali tal-Ministri Ewropej responsabbli mill-akkomodazzjoni, li saret f’Dublin, l-Irlanda, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici tenna l-impenn ta’ Malta favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza li dar mhijiex sempliċiment saqaf fuq ras persuna, iżda hija wkoll sors ta’ sigurtà, stabbiltà u dinjità. Għaldaqstant, saħaq li l-akkomodazzjoni għandha tibqa’ tingħata prijorità fuq livell Ewropew.

Huwa semma diversi inizjattivi li qed jitwettqu f’Malta, fosthom proġetti li se jipprovdu mijiet ta’ residenzi ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali, kif ukoll l-iskema Nikru biex Nassistu, li permezz tagħha l-Gvern jikri proprjetajiet battala mingħand il-privat sabiex joffrihom lil persuni vulnerabbli.

Il-Ministru rrefera wkoll għall-pjanijiet tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli, li fis-snin li ġejjin mistennija tipprovdi residenzi f’diversi lokalitajiet bi prezzijiet 30% inqas minn dawk tas-suq.

Fakkar ukoll fil-miżuri maħsuba biex jiffaċilitaw ix-xiri tal-ewwel dar, fosthom l-għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ għaxar snin, l-iskemi ta’ garanzija fuq id-depożitu, l-iskema New Hope u dik tal-Equity Sharing.

Il-Ministru Bonnici temm billi saħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej, sabiex kull persuna jkollha l-opportunità li tgħix f’dar sigura u affordabbli u tibni l-futur tagħha b’dinjità u stabbiltà.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI