L-aħwa Claudia u Fabrizio Faniello kellhom l-opportunità li jkunu mistiedna għal intervista fuq l-istazzjon televiżiv Taljan Canale Italia. Kienet esperjenza li Claudia għażlet li taqsam mas-segwaċi tagħha fuq il-midja soċjali, fejn iddedikat ukoll kelmtejn mill-isbaħ lil ħuha.
"Xi mumenti jkunu speċjali minħabba fejn iseħħu. Oħrajn minħabba ma’ min taqsamhom," kitbet Claudia, filwaqt li rringrazzjat lil Canale Italia tal-istedina u tal-intervista sabiħa li kellhom flimkien.
"Il-mużika għaqqditna flimkien tant drabi, iżda dak li jgħaqqadna jmur ferm lil hinn minnha. Jinsab fil-mod kif inħarsu lejn xulxin u nifhmu lil xulxin," kompliet tikteb il-kantanta.
Claudia esprimiet il-gratitudni tagħha għal mumenti bħal dawn u għall-preżenza ta’ ħuha f’ħajjitha, filwaqt li temmet il-messaġġ tagħha bil-kliem, "Kemm inħobbok sbejjaħ tiegħi."
Żewġ aħwa li mhux biss jaqsmu l-istess passjoni għall-mużika, iżda wkoll rabta mill-isbaħ li tmur lil hinn mill-palk!
Facebook / Claudia Faniello