Maltempata Bir-Ragħad Qrib Il-Gżejjer Maltin – Possibbiltà Għolja Ta’ Xita F’Xi Lokalitajiet

It-temp dalgħodu jidher li se jkun xi ftit instabbli, hekk kif żewġ paġni lokali tat-temp qed isegwu maltempata li tinsab qrib il-Gżejjer Maltin. B'xi lokalitajiet ġa qed jesperjenzaw ix-xita filwaqt li l-ajru jidher sewdieni minn diversi bnadi!

Il-paġna It-Temp Madwarna qalet li qed issegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ maltempata bir-ragħad iżolata lejn it-Tramuntana t’Għawdex, u indikat li Għawdex, jew partijiet minnu, huwa l-aktar li jista’ jkun affettwat. Skont il-paġna, wara li tgħaddi din il-maltempata, il-kumplament tal-jum mistenni jkun bnazzi jew ftit imsaħħab.

Min-naħa tagħha, Aġġornament tat-Temp spjegat li bħalissa hemm maltempata bejn Malta u Sqallija. Għalkemm il-qofol tagħha jinsab fuq il-baħar u mhux mistenni jgħaddi direttament minn fuq il-Gżejjer Maltin, xorta waħda hemm possibbiltà għolja li xi lokalitajiet jesperjenzaw ix-xita.

Il-paġna indikat li din tista’ tkun moderata għal xi ħin, filwaqt li r-riħ mistenni jkun min-Nofsinhar forza 3 u jitla’ għal forza 5 mix-Xlokk. It-temperatura rrappurtata hija ta’ madwar 25°C, b’umdità ta’ 70% u pressjoni atmosferika ta’ 1014hPa. Għalhekk jidher li fil-ħin li ġej it-temp jista’ jvarja mhux ftit minn lokalità għal oħra.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI