Mario Bonello ġie kkonfermat bħala President ta’ Athletics Malta għall-erba’ snin li ġejjin waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, fl-ewwel terminu sħiħ tiegħu wara li kien inħatar fil-kariga f’Awwissu li għadda.
Fl-istess laqgħa, Antonella Chouhal ġiet ikkonfermata bħala Segretarju Ġenerali, filwaqt li Stefania Cilia Caligari nħatret bħala Teżorier. Il-kunsill il-ġdid jinkludi wkoll lil Alan Camilleri, Karl Farrugia, Alan Zammit, John Attard Kingswell u Tiziana Zammit bħala membri.

Fl-indirizz tiegħu, Bonello spjega li matul l-aħħar sena l-federazzjoni ffukat fuq it-tisħiħ tal-istrutturi interni, is-sostenibbiltà u ż-żieda fil-viżibilità tal-isport. Huwa rrimarka kif ġew organizzati 26 avveniment tat-trakka u appoġġjati aktar minn 60 tellieqa fit-triq, b’parteċipazzjoni dejjem tikber.
Barra minn hekk, sar investiment fi programmi għaż-żgħażagħ, edukazzjoni u infrastruttura, bil-għan li jitkompla jiżviluppa l-livell tal-atletika f’Malta.
B’ħarsa ‘l quddiem, Bonello semma l-preparamenti għal avvenimenti importanti fosthom il-Malta Youth International Athletics Festival u l-Logħob taż-Żgħażagħ tal-Commonwealth, li mistennija jħallu impatt pożittiv fuq il-futur tal-isport lokali.
Min-naħa tagħha, Chouhal ippreżentat ir-rapport amministrattiv u rringrazzjat lill-membri tal-kunsill li temmew il-kariga tagħhom għall-ħidma tagħhom, filwaqt li ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa ta’ bidliet fl-istatut biex jissaħħaħ il-qafas organizzattiv tal-federazzjoni.