Fuq il-midja soċjali, studenta ta’ Oliver Friggieri qasmet waħda mill-kitbiet tiegħu li kien bgħatilha hu meta kienu jiktbu lil xulxin. F’din il-kitba, Oliver iddeskriva l-mewta tiegħu.
"Meta mbagħad għad jiskot fommi, u riġlejja jeħlu mal-art, u nteftef b'idejja t-tnejn biex nagħti l-aħħar passi, nittama li nkun għedt kull kelma li kelli nagħzel fil-kuntratt ta' ħajti, u li biha stajt missejt il-qalb ta' xi ħadd, minn dudu sa bniedem. U mbagħad meta idi tingħalaq bħal warda li ma tistax tiftaħ, u tieqaf u l-pinna taqagħli minn idi, imbagħad… nittama li jkun sebaħ, u nkun tgħallimt il-lingwa tas-skiet.”
“Jekk għad fis-skiet niskopri ħsejjes ġodda, u jerġa' jaqa' f'ħoġri l-kliem mill-għoli, allura nkun wasalt biex fhimt il-kwiekeb, muti bħali, ... allura l-alfabett ikun ħafif, u b'id titriegħed, l-id bla żmien ta' tfajjel, nonqox bih ktieb iehor. Sa dak il-ħin bl-arloġġ marbut mal-polz li għadu jtektek, nistenna l-minutiera tasal f'postha, u nġorr fl-ixkora tiegħi kliemi kollu, bit-tama li jwassalni sat-tarf l-ieħor. Ikun dal-kliem il-kliem li bih insellem jekk qatt ma nasal nagħzel kelma ohra.”
“Ghaziza Marilyn, ma nafx kif, imma dawn huma versi, xejn riveduti, li ktibt issa malli bdejt niktiblek, u kont wasalt fil-kelma 'Alla'. Ma rrevedejthomx. Żommhom bħala ringrazzjament lilek għall-ġentilezza tiegħek.”
Facebook/Oliver Friggieri