Filgħodu kmieni llum, mijiet ta’ nies ingħaqdu flimkien għall-mixja annwali ta’ ġbir ta’ fondi favur Puttinu Cares – organizzazzjoni li tgħin lil persuni li jkollhom bżonn kura medika barra minn pajjiżna.
Il-parteċipanti bdew il-mixja tagħhom tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Mellieħa, u komplew tul diversi lokalitajiet sakemm waslu sal-Furjana, f’attività li tirrifletti kemm l-għaqda u s-solidarjetà Maltija għadha ħajja u b’saħħitha. Din l-inizjattiva, li issa laħqet l-20 edizzjoni tagħha, saret waħda mill-aktar inizjattivi importanti fis-sena, b’eluf ta’ persuni jappoġġjaw lill-familji li qed jaffaċċjaw l-ostakli tal-mard. Puttinu Cares mhux biss jipprovdi l-għajnuna għall-vjaġġi u l-kura medika barra mill-pajjiż, iżda joffri wkoll sapport emozzjonali u finanzjarju tul dan il-proċess diffiċli.
Grazzi għal dawn il-ġesti ġenerużi, ħafna tfal u familji jirċievu l-għajnuna meħtieġa biex ma jitilfux it-tama f’mumenti ta’ sfida kbira.
Facebook / Mixja Ġimgħa l-Kbira 2025