Mill-Għatba ‘l Barra, il-programm li jieħu lit-telespettaturi f’vjaġġ madwar diversi rħula Maltin, jidħol fil-fond tal-istorja rikka tagħhom, il-kultura vibranti u l-ambjent li jdawwarhom. Il-programm ippreżentat minn Elaine Saliba, se jiggwida l-udjenza f’kull raħal, u jagħtihom l-opportunità li jiltaqgħu man-nies tal-post u jisimgħu stejjer affaxxinanti.
Intervisti ma’ storiċi u esperti lokali se jipprovdu għarfien profond dwar l-istorja tar-raħal. Elaine se timxi fit-toroq tar-raħal, titkellem mar-residenti, sidien ta’ ħwienet u artiġjani, kif ukoll taqbad mumenti spontanji tan-nies fil-ħajja ta’ kuljum, biex turi s-sħana u l-ospitalità tal-komunità.
It-tim wara dan il-programm iħabbar, “Lura b’staġun ġdid ta’ Mill-Għatba ’l Barra! Nerġgħu nibdew f’Ottubru fuq TVM. Int artist, għandek xi sengħa, kollezzjonist jew għandek xi passjoni jew interess uniku li tixtieq taqsam man-nies? Qed infittxu persuni b’stejjer, ħiliet u talenti li jispiraw biex jidhru fl-episodji l-ġodda tagħna. Jekk taħseb li għandek xi ħaġa speċjali – applika issa!”
Dawk kollha li huma mħajrin, jistgħu japplikaw billi jidħlu HAWN. Huma jgħidilna, “Nistennew bil-ħerqa li niltaqgħu ma’ aktar nies kreattivi minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex!”