Meta konna żgħar ilkoll konna noħolmu x’se nsiru meta nikbru ħafna drabi permezz ta’ mumenti sempliċi li jħallu impressjoni, bħal meta tara pulizija u timmaġina lilek innifsek f’dik l-irwol meta tikber. Għal xi wħud, dik il-ħolma tgħaddi. Imma għal oħrajn, ma titlaq qatt. Tikber magħhom u bil-mod il-mod…issir parti minnhom.

Il-kampanja l-ġdida tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta tibni proprju fuq din l-idea. Permezz ta’ vidjo li juri kif ħolma tat-tfulija tista’ tiżviluppa f’karriera reali. Il-Korp mhux biss l-uniformi, imma skop, impenn, responsabbiltà, sfidi u fuq kollox kuraġġ.

Illum il-ġurnata l-irwol tal-pulizija jmur ferm lil hinn minn dak li forsi wieħed jaħseb tradizzjonalment.
Jinvolvi kuntatt kontinwu mal-komunità, teħid ta’ deċiżjonijiet f’mumenti kruċjali u preżenza fejn verament hemm bżonn. Kull ġurnata differenti u wara kull sitwazzjoni, hemm nies li jiddependu fuqek.
Din hija karriera li titlob ħafna, iżda li tagħti lura sens qawwi ta’ sodisfazzjon u skop. Hija opportunità għal min irid jikber, jitgħallem u jagħmel differenza reali fis-soċjetà.

Il-Korp tal-Pulizija bħalissa qed jilqa’ applikazzjonijiet għal Kuntistabbli tal-Pulizija, fejn qed ifittxu individwi li huma lesti jieħdu dan il-pass.
Wara l-applikazzjoni, dawk li jgħaddu mill-istadji preliminary, inkluż test fiżiku, mediku u interview se jsegwu kors ta’ taħriġ ta’ sena akkreditat mill-Università ta’ Malta, li jippreparahom għall-ħajja fil-Korp tal-Pulizija.
Għal dawk li kellhom din il-ħolma u li għadha magħhom sal-lum, dan jista’ jkun il-mument biex jagħmluha realtà.
Iżjed dettalji jinsabu fuq is-sit www.pulizija.gov.mt/careers/
Facebook / The Malta Police Force