Mireille McKay Hi R-Rebbieħa Ta' Brillanti Singers – L-Iżgħar Parteċipanta Rebħet It-Trofew Ta' Brillanti!

Mireille McKay waħda mill-aktar kantanti konsistenti waqt is-sensiela ta’ Brillanti, ilbieraħ tħabbret bħala r-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni. Kompetizzjoni li ħadet il-ħajja fit-Teatru Manoel, teatru li jġorr snin ta’ storja.

It-talent ta’ Mireille spikka mill-ewwel, tant li din it-tfajla ta’ 13-il sena ħalliet lill-ġurija bla kliem mill-mument li rifset il-palk għall-ewwel darba. Minkejja li tinsab fuq l-ispettru tal-awtiżmu, Mireille b’determinazzjoni kbira ma tħalli xejn iwaqqafha u tibqa’ taħdem biex tħalli t-talent tagħha jispikka.

Fit-tieni post ta’ din il-kompetizzjoni ġie ż-żagħżugħ Gianluca Cilia, iż-żagħżugħ li rajnieh jipprometti bħala tifel ċkejken permezz tas-silta Dawra Tond fil-Junior Eurovision Song Contest u li minn hemm kompla t-triq tiegħu fil-qasam mużikali.

Fit-tielet post ġie li l-kantant Ethan Pawley, kantant relativament ġdid fix-xena lokali, iżda b’tant u tant passjoni wera li għandu futur mill-isbaħ quddiem. Il-wirjiet tiegħu kienu mimlija emozzjoni.

Ma’ dawn it-tliet artisti bravi jikkompetu fil-finali kien hemm Maxine Borg, Joe Romano u Mariah Mangion li lkoll taw wirjiet mill-aqwa. F’isem it-tim ta’ Gwida, nifirħu lit-tim ta’ Brillanti għall-biċċa xogħol mill-isbaħ li għamlu u nawguraw lir-rebbieħa ta’ dan il-programm kull suċċess fil-futur.

Mireille ninsabu ċerti li se nkunu qed nisimgħu ħafna aktar bik! Żgur li għad tikseb aktar u aktar suċċessi u anke tagħmel isem kburi lil Malta! Awguri!







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI