Ir-rapper u artist Malti ta’ 20 sena Moodyy, l-isem artistiku ta’ Franik, għadu kemm nieda t-tieni album tiegħu bl-isem WHO MADE LOVE??, proġett kunċettwali li jidħol fil-fond tal-emozzjonijiet marbuta ma’ qsim il-qalb.
Dan l-album huwa mibni madwar il-ħames stadji ta’ qsim il-qalb, u jsegwi vjaġġ emozzjonali li jibda mit-telfa ta’ persuna għal qalbek, jgħaddi mill-kollass emozzjonali u jasal sal-bini mill-ġdid ta’ ruħek. Moodyy jiddeskrivi dan ix-xogħol bħala l-aktar wieħed personali u matur li ħadem fuqu s’issa.
Dan ix-xahar, l-artist kellu wkoll esperjenza importanti barra minn xtutna meta kien headliner f’kunċert fi Praga. Din l-opportunità mhux biss imbuttatu kreattivament, iżda tagħtu wkoll il-kunfidenza biex jieħu dan l-album pass ’il quddiem u jesplora ħsejjes u temi aktar profondi.
WHO MADE LOVE?? jinkludi wkoll tliet kollaborazzjonijiet li għandhom valur personali kbir għal Moodyy:
- Multiszn – artist Amerikan li kien ta’ ispirazzjoni għall-ħoss tiegħu sa mill-bidu tal-karriera.
- Trenchkidalex – ħabib qrib u kollaboratur ta’ żmien twil mill-Istati Uniti.
- Dayle Camilleri – artist Malti u ħabib personali li jirrappreżenta x-xena lokali li sawret l-identità mużikali tiegħu.
B’dan it-tieni album, Moodyy qed jikkonferma l-ambizzjoni tiegħu li jkompli jkabbar ismu kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta, filwaqt li jibqa’ awtentiku għall-esperjenzi personali tiegħu.
L-album WHO MADE LOVE?? huwa disponibbli fuq Spotify u pjattaformi diġitali oħra. Idħlu HAWN biex tisimgħu dan ix-xogħol!
Instagram / xfranikk