NAĦLIFLEK Isammar L-Udjenza Mill-Bidu Sat-Tmiem – Dramm Ta' Breach Tradott Għall-Malti Li Wieħed M'Għandux Jitlef!

Il-produzzjoni NAĦLIFLEK ta’ Breach Theatre, taħt id-direzzjoni ta’ Marta Vella, kienet esperjenza teatrali mill-aqwa – esperjenza li ssaħħar, tħawwad u tħalli marka profonda fuq kull min ikollu x-xorti li jara.

Imtella’ fil-knisja pittoreska tal-Madonna tal-Pilar fil-Belt Valletta, NAĦLIFLEK toffri interpretazzjoni emozzjonali u modernizzata tal-istorja vera tal-pittriċi Barokka Artemisia Gentileschi, mara li, f’era dominata mill-irġiel, sabet il-kuraġġ li tgħid il-verità tagħha quddiem il-qorti u l-istorja.

B’kitba oriġinali ta’ Breach Theatre u traduzzjoni mill-isbaħ ta’ Kim Dalli, il-verżjoni Maltija toħroġ bħala xogħol li mhux biss jirrakkonta ġrajja, iżda jħalli lil kull spettatur jirrifletti fuq is-saħħa, il-ferita u l-perseveranza tan-nisa matul is-sekli.

Kim Dalli, Clare Agius u Sarah-Lee Zammit jagħmlu biċċa xogħol eċċezzjonali, bi preżenza li timla l-ispazju sagru tal-knisja b’enerġija profonda. Dalli, partikolarment, jirnexxielha toħloq bilanċ delikat bejn vulnerabbiltà u forza, waqt li Agius tħaddem kull frażi b’sens ta’ kontroll u emozzjoni profonda. Zammit, b’intensità mill0aktar sottili, iġġib maġija li tikkumplimenta b’mod naturali.





L-addizzjoni ta’ Claire Tonna u Analise Mifsud kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk, żewġ artisti li b’ħila mużikali u preżenza unika, komplew jagħtu ħajja lil din il-produzzjoni li diġà kienet brillanti.

NAĦLIFLEK ma tħarisx biss lejn il-passat, iżda tagħmel konnessjoni ukoll mal-preżent. L-użu ta’ ċerti elementi fil-preżentazzjoni u d-direzzjoni jagħmlu dan ix-xogħol kontemporanju li jitkellem dwar il-qawwa tan-nisa, il-ġlieda għall-verità, u l-arti bħala forma ta’ ġustizzja.

Produzzjoni mill-aqwa li tħallik bla kliem, Naħliflek hu wieħed minn dawk id-drammi li jiftħu diskussjoni u jsaħħu l-fiduċja fil-qawwa tat-teatru bħala mezz ta’ trasformazzjoni.

NAĦLIFLEK huwa spettaklu li wieħed ma għandux jintilef għax kien eċċelenti f’kull aspett! NAĦLIFLEK se tittella’ mill-Ġimgħa 17 sal-Ħadd 26 ta’ Ottubru 2025, u se tittella’ bil-Malti, bi spettakli li se jkollhom sopratitoli bl-Ingliż il-Ħadd 19 u l-Ġimgħa 24 ta’ Ottubru 2025.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI