Fuq il-midja soċjali, Mark Laurence Zammit kiteb il-ġrajja ta’ meta 4 snin ilu Peppi Azzopardi żvela li jixtiequ jibda jippreżenta Xarabank minfloku.
“Niftakar kont għandek, fuq is-sufan. Kienu xi s-sagħtejn ta’ filgħodu,” beda hu. “Konna qed niktbu script għal Xarabank. Niftakrek tieqaf tittajpja… tħares lejja u tgħidli, “Nixtieq ngħinek ħalli tibda tippreżenta Xarabank int. Floki.”
“…Niftakarni miexi ngħaġġel lejn il-karozza… u moħħi jewdhen… Dar-raġel għadu kif tani l-akbar ħaġa li għamel f’ħajtu, tani dak kollu li ħadem għalih f’20 sena. Kont naf li Xarabank kien il-baby tiegħek u kien ħajtek… Ma stajtx nifhem kif ma kellekx problema li nkun fil-post tiegħek, anzi, ridt tgħinni nagħmilha,” tenna Mark.
“Int indunajt bija qabel jien indunajt bija nnifsi, u kellek il-viżjoni biex tibqa’ timbuttani u tgħinni nkun aħjar… U kont, u għadni, ngħir għalik għax ma tafx tobgħod. Rajt nies jaħdmu kontrik u flok iżżomm f’qalbek, rajtek tagħmlilhom il-ġid minn wara daharhom, u sal-lum, huma stess għadhom lanqas jafu…”
“U kull darba li narak tagħmel ħaġa bħal din, inkun qed inħares lejk minn taħt, u ngħir għalik, għax għadni m’iniex kapaċi nħobb bħalek.”
Mark spiċċa billi qal: “Din l-istorja ma kont għedtha lil ħadd. Qatt. Lanqas int ma kont tafha”
Facebook/Mark Laurence Zammit