L-għawwiem Neil Agius u s-sieħba tiegħu Lara laqgħu fid-dinja lit-tarbija tagħhom, Ayla-Mae, li twieldet filgħodu, fl-1 ta’ Jannar 2026. Fuq il-midja soċjali, il-koppja qasmet l-aħbar sabiħa, u żvelat li binthom twieldet ftit qabel milli kien mistenni, b’piż ta’ 2.3 kilogrammi. Id-deskrizzjoni tal-mument kienet waħda mimlija emozzjoni, hekk kif sejħulu “meravilja pura”.
Neil u Lara fetħu qalbhom dwar il-vjaġġ emozzjonali li wassal għat-twelid ta’ Ayla-Mae, u ddeskrivewh bħala rollercoaster li kien jeħtieġ paċenzja, fiduċja u fidi, iżda fl-istess ħin kien mimli tama u stennija ħelwa.
“Lara u Ayla jinsabu tajjeb ħafna,” qasam Neil, filwaqt li żied li issa huma qed jieħdu l-ħin biex igawdu l-kwiet, l-imħabba u l-emozzjonijiet li jġibu magħhom l-ewwel jiem bħala ġenituri ġodda.
Il-koppja esprimiet ukoll ringrazzjament mill-qalb lit-tobba, l-infermiera u l-qwiebel fl-Mater Dei Hospital, għall-kura u s-sapport li rċevew f’dan il-mument tant speċjali. Il-messaġġ tagħhom intemm b’merħba sabiħa lil Ayla-Mae fid-dinja, li timmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid u sabiħ fil-ħajja tagħhom bħala familja.
Awguri mill-qalb lill-ġenituri ferħanin.
Instagram / Neil Agius