Nicole Spiteri Se Tibda L-Vjaġġ Tagħha Lejn Il-Vjetnam Biex Tirrappreżenta Lil Malta F’Miss World 2026

Miss World Malta Nicole Spiteri tinsab lesta biex tibda l-akbar avventura tagħha hekk kif se tirrappreżenta lil Malta fl-edizzjoni ta' Miss World 2026, li se ssir fil-Vjetnam u tilħaq il-qofol tagħha bis-serata finali tal-5 ta' Settembru.

Din is-sena, il-kompetizzjoni se tkun waħda speċjali hekk kif Miss World se tkun qed tiċċelebra t-73 anniversarju tagħha, b'numru ta' attivitajiet u ċelebrazzjonijiet li se jiġbru flimkien madwar 140 parteċipanta minn madwar id-dinja.

Il-preparamenti ta' Nicole bdew sa minn Ġunju tal-2024, meta ġiet inkurunata Miss World Malta waqt serata organizzata fil-Forti Sant'Iermu. Minn dakinhar 'l hawn, hija ħadmet bla waqfien biex tipprepara ruħha għal din il-kompetizzjoni internazzjonali, permezz ta' diversi photoshoots u laqgħat ta' preparazzjoni relatati mal-preżentazzjoni tagħha fuq il-palk dinji.

Matul iż-żjara tagħha fil-Vjetnam, Nicole mistennija tattendi programm mimli attivitajiet, fosthom is-serata prestiġjuża tal-Charity Event, fejn il-finalisti jingħaqdu biex jiġbru fondi għall-proġett internazzjonali Beauty With A Purpose. Din l-inizjattiva annwali tinkludi wkoll irkant ta' oġġetti ta' valur sabiex jinġabru fondi għal kawżi umanitarji.

Barra minn hekk, il-kontestanti se jkollhom l-opportunità jżuru diversi lokalitajiet u attrazzjonijiet fil-Vjetnam, fejn se jinġibdu wkoll filmati li se juru kemm il-pajjiż ospitanti kif ukoll l-esperjenzi tal-parteċipanti matul il-kompetizzjoni.

F'isem l-organizzaturi ta' Modelle International, Claudia Calleja u Sue Rossi, intbagħtu l-isbaħ xewqat lil Nicole Spiteri sabiex tgawdi din l-esperjenza unika u tikseb l-aqwa riżultat possibbli fil-kompetizzjoni. Huma rringrazzjaw ukoll lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom fil-preparamenti tagħha matul dawn l-aħħar xhur.

Is-serata finali ta' Miss World 2026 se tixxandar fuq One TV fil-5 ta' Settembru.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI