Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, esprima l-ammirazzjoni tiegħu lejn il-kompożitur u maestro Vittoriosan Andrew Lawrence Zarb, u faħħru għat-talent straordinarju tiegħu.
F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, il-Ministru qal li baqa’ bla kliem quddiem il-ħila artistika ta’ Zarb, filwaqt li ddeskrivieh bħala "kompożitur u maestro bravissimu."
Agius Galea sostna li t-talent li għandha Malta, minkejja d-daqs żgħir tagħha, huwa ta’ livell għoli ħafna u huwa proprju dan li jkompli jimmotivah fil-ħidma tiegħu bħala Ministru.
Huwa saħaq li jħoss responsabbiltà politika li jkompli jaħdem sabiex artisti bħal Andrew Lawrence Zarb jingħataw l-opportunitajiet u r-rikonoxximent li jixirqilhom, kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna.
Facebook / Malcolm Paul Agius Galea