Illum jaħbat għeluq snin David Jr Meilak – il-kantant li tant ħalla impatt fit-tieni staġun ta’ X Factor Malta kif ukoll sar midħla aktar minn qabel fix-xena mużikali ta’ pajjiżna. Illum David għalaq 27 sena, u ftit ilu ħabbar li propju llum ħa joħroġ il-kanzunetta ġdida tiegħu Make Believe.
David kellimna dwar din il-kanzunetta u dwar kif nibtet. “Din partikolarjament hi diska li ila ħafna fil-komma, inkitbet fiż-żmien tiegħi meta kont l-Awstralja ġewwa Melbourne. Waħda minn dawk id-diski li żviluppat ruħha fir-realtà daqs li kieku kienet diġà teżisti. Niftakar ċar li qbadt il-kitarra wara li kont soqt ‘il bogħod u pparkjajt ħdejn rail road tal-ferrovija, u qbadt indoqq u niktibha.”
David jgħidilna wkoll li din kienet kanzunetta li nkitbet fi żmien siegħa u nofs! Meta ġie lura Malta qabad jaħdem fuqha iżda ma ħariġhiex mill-ewwel għax xtaq li tiżviluppa iktar. “Kif wasalt lura Malta rrikordjajtha iżda ħassejtni li kellha bżonn timmatura iktar bħala produzzjoni. Kien propju żmien il-lockdown tal-2020 fil -bidu li kien hawn il-Covid-19 f’Malta fejn komplejt naħdem fuqha.”
Għaliex ħariġha propju llum f’għeluq sninu imma?
“Ħriġtha f’għeluq snini għall-fatt li hi diska li nħossha tirrappreżenta l-karattru tiegħi. Inħoss li hija diska fejn tfajt ħafna aktar xogħol fuqha f’produzzjoni jien, u fejn il-prodott finali, 80% tax-xogħol għamiltu jien.”
Minn qalbna nifirħu lil David Jr għal din il-kanzunetta ġdida li nieda, u f’għeluq sninu nawgurawlu aktar snin ta’ saħħa, kuntentizza u suċċessi!