“Illum Il-Politika Jaf Twassal Għall-Firda… Niftakru Li Aħna Lkoll Umani Li Rridu Ngħixu Fil-Paċi” – Il-Briefcase Man F’Jum L-Elezzjoni

Bħalissa kulħadd jinsab mhedi fl-andament tal-elezzjoni ġenerali li tilħaq il-qofol tagħha proprju għada meta jibdew jingħaddu l-voti. F’dan l-isfond, il-Briefcase Man irrakkonta kif dalgħodu sab fil-kaxxa tal-ittri tiegħu ittra mill-isbaħ indirizzata lilu mimlija kliem ta’ tifħir miktuba minn tifla ċkejkna.

F’din l-ittra, it-tifla tistqarr li għandha ammirazzjoni kbira lejn il-Briefcase Man għaliex fih tara persuna twajba li dejjem lest sabiex jgħin lil ħaddieħor. Hi faħħritu talli bil-ġesti li jagħmel b’mod regolari qed jiżgura li jkun hawn iżjed pożittività fuq il-midja soċjali.

“La nikber irrid inkun bħalek… inti tgħin lin-nies iħossuhom iżjed siguri u mifhuma, anke jekk stess mhux dejjem tirrealizza li tkun qed tagħmel dan,” kitbet it-tifla fl-ittra tagħha lill-Briefcase Man.

Intant, f’filmat li hu tella’ fuq il-midja soċjali tiegħu, il-Briefcase Man esprima l-apprezzament tiegħu għal din l-ittra li hu stqarr tfisser ħafna għalih.

Fisser kif apprezza s-sinifikat ta’ din l-ittra b’mod speċjali fl-isfond politiku li ninsabu fih bħalissa. Hu ħa l-opportunità wkoll sabiex jappella ħalli ħadd ma jħalli l-politika tnissel il-firda u f’kull kunflitt li jista’ jinbet f’dawn il-jiem, kulħadd iżomm f’moħħu li fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll umani li naspiraw li ngħixu f’iżjed kuntentizza, mħabba u paċi.







Ritratti:

Instagram / @thebriefcaseman, Pexels u ChatGPT

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI