Ftit tal-jiem ilu kellmitna bint li tinsab kuntenta ferm dwar il-kors li ommha ddeċiediet li trid tieħu. Imma kellha xi mistoqsijiet dwar jekk dan il-kors kienx addattat. Il-bint li tkellmet magħna qaltilna wkoll li tajjeb li meta wieħed ikun qed iħallas il-flus fuq servizz bħal dan, tajjeb li jkun jaf x’jiswa’ f’terminu ta’ kwalifiki.
Jidher li l-problema issa hi solvuta għal kulħadd grazzi għall-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCHFE) li għadha kif nediet databank dwar il-kwalifiki Maltin, il-Malta Qualifications Database.
Il-Malta Qualifications Database tiġbor fiha tagħrif dettaljat dwar kwalifiki u ċertifikati f’Malta u hi sors tajjeb għat-tweġibiet ta’ mistoqsijiet importanti li wieħed jistaqsi meta jifli l-programmi varji ta’ studju li jkun imħajjar japplika għalihom.

Huwa fatt importanti ferm li l-opportunitajiet fl-edukazzjoni għandhom assigurazzjoni ta’ kwalità, li jkun hemm klassifikazzjoni skont il-livelli u li t- tagħrif ikun aċċessibbli faċilment għal dawk li jixtiequ jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom. Din hi xi ħaġa li l-Unjoni Ewropea enfasizzat fuqha sabiex ikun hemm żvilupp soċjali u ekonomiku tas-soċjetajiet tagħna.
Dan il-fatt ovvjament jintlaħaq meta jkun hemm tnaqqis fl-inċidenza ta’ tluq bikri mill-iskola u żieda fil-kisba ta’ edukazzjoni għolja. Tajjeb li wieħed ikun jaf li l-Malta Qualifications Database hi marbuta mal-Qualifications Database Register.
Bażikament din id-database se tgħin biex min jistudja f’Malta, jew barra mill-pajjiż, ikollu aċċess faċli għal tagħrif dwar il-programmi akkreditati f’Malta. B’hekk min jixtieq ikompli l-edukazzjoni tiegħu ikollu aċċess għal informazzjoni koretta u jkun jista’ jagħmel għażliet informati.
Bniedem informat ikun kapaċi jagħżel programm akkreditat u li jingħata klassifikazzjoni skont il-livell. Din il-bint li għamlet kuntatt magħna skopriet lil-programmi akkreditati huma komparabbli u kumpattibbli ma’ dak ipprovdut minn pajjiżi oħra biex tkun żgurata t-trasparenza tas-sistema ta’ akkreditazzjoni li saret f’Malta.
It-tagħrif fuq programmi li huma kklassifikati skont il-livelli u marbuta mal-EQF jinsabu disponibbli għal kulħadd. Dan jgħin ukoll biex tiffaċilità r-rikonoxximent tal-kwalifiki Maltin barra minn Malta. Ir-rabta tal-NQD mal-QDR u mas-sit tal-EUROPASS tkompli tikkonferma l-appoġġ billi tiżgura li din tkun databank tal-kwalifiki Ewropej tassew komprensiva.
Dawn l-inizjattivi żgur jgħinu f’mobbilità akbar tal-istudenti u tal-ħaddiema fl-Ewropa, barra minn hekk in-NCFHE żżomm reġistru ta’ istituzzjonijiet f’Malta akkreditati fl-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Dawn huma istituzzjonijiet liċenzjati.
It-tagħrif li wieħed isib hu ta’ interess għal oqsma varji minn studenti, għall-impjegati u anke min iħaddem. L-oqsma li probabbilment l-aktar li jinteressaw l-istudenti huma l-ambiti differenti ta’ tagħlim, korsijiet, ċertifikazzjoni u rekwiżiti għad-dħul.
Min hu impjegat jista’ juża d-database biex jara kif jista’ javvanza fil-karriera tiegħu u jsib opportunitajiet ta’ karrieri ġodda. Filwaqt li min iħaddem ikun jista’ jifhem ir-riżultati tat-tagħlim tal-korsijiet, kemm biex jipprovdi taħriġ għal impjegati tiegħu stess kif ukoll biex jifhem u jevalwa l-kwalifiki tal-impjegati potenzjali tiegħu.
Il-Malta Qualifications Database tinkludi wkoll in-National Occupational Standards (NOS) li huma marbuta mal-Malta Qualifications Framework. Dawn huma set ta’ standards marbuta max-xogħol li jenfasizzaw il-prestazzjoni mistennija f’xogħol speċifiku ta’ ċertu livell. In-NOS jiddefinixxu x-xogħolijiet ewlenin tan-nies u jorbtu il-kwalifiki mar-rekwiżiti fis-suq tax-xogħol.
Id-database hi aġġornata kontinwament mill-Accreditation and Licensing Unit fi ħdan l-NCFHE, din biex tiżgura li l-informazzjoni hi eżatta u riveduta. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit billi jagħfas HAWN.