Johnathan Chetcuti, fiżjoterapista li qed ikompli jsaħħaħ il-karriera tiegħu grazzi għall-opportunitajiet varji inkluż dawk fil-qasam internazzjonali, grazzi għal snin ta’ dedikazzjoni fil-qasam tal-fiżjoterapija u l-isport.

Wara li ggradwa b’Baċellerat fil-Fiżjoterapija mill-Università ta’ Malta fl-2019, Johnathan beda jaħdem fis-settur pubbliku bħala fiżjoterapista. Fl-istess waqt, dejjem fittex li jespandi l-esperjenza tiegħu, speċjalment fis-settur privat u fix-xena tal-futbol lokali, fejn ilu jaħdem għal dawn l-aħħar seba’ snin.
Fl-2023, il-karriera tiegħu ħadet direzzjoni ġdida u importanti meta beda jaħdem bħala Logutenent mal-Forzi Armati ta’ Malta, fil-qasam tal-fiżjoterapija – pass li kompla jsaħħaħ il-profil professjonali tiegħu.
F’dawn l-aħħar snin, Johnathan kompla jinvesti fl-edukazzjoni tiegħu permezz tal-Malta Sports Scholarship Scheme, inizjattiva ffinanzjata mill-Gvern ta’ Malta. Grazzi għal din l-opportunità, huwa seta’ jsegwi Masters f’Strength and Conditioning ma’ St Mary’s University fir-Renju Unit, esperjenza li jiddeskriviha bħala waħda li tassew japprezza.
Għalkemm il-kors sar permezz ta’ distance learning, dan ippermettilu jkompli jaħdem f’Malta u jakkumula aktar esperjenza prattika. Fl-istess ħin, kellu aċċess għal tagħlim ta’ livell għoli minn letturi esperti, kif ukoll opportunità li juża tagħmir modern u avvanzat li saħħaħ il-ħiliet tiegħu.
Issa li lesta dan l-istudju, mistenni jittrasferixxi l-għarfien miksub biex ikompli jtejjeb il-kura li joffri lill-pazjenti f’Malta. Barra minn hekk, din l-ispeċjalizzazzjoni se tagħtih vantaġġ biex japplika l-għarfien tiegħu kemm fil-qasam sportiv kif ukoll f’dak militari.

Johnathan temm billi esprima r-ringrazzjament tiegħu lejn il-Malta Sports Scholarship Scheme għall-appoġġ u l-fiduċja li wrew fih, filwaqt li sostna li jħares ’il quddiem biex ikompli jagħti l-kontribut tiegħu lis-soċjetà Maltija permezz tal-professjoni tiegħu.