Media Exclusive bi pjaċir tħabbar li, wara s-suċċess tal-ewwel staġun ta’ Peppa Pig bil-Malti, li rebaħ il-qlub tat-tfal u tal-ġenituri madwar il-Gżejjer Maltin, din is-sensiela tant maħbuba se terġa’ tirritorna b’episodji ġodda minn Ottubru li ġej, mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-6:10 u fis-7:10 fuq TVM+ u fl-16.10 fuq TVM.
Bħala parti miċ-ċelebrazzjoni ta’ dan ir-ritorn, Media Exclusive ħarġet filmat speċjali minn wara l-kwinti tal-ewwel staġun. Il-filmat jagħti ħarsa unika lejn il-proċess tad-doppjaġġ, fejn naraw kif saret il-verżjoni bil-Malti ta’ Peppa, niltaqgħu mal-atturi tad-doppjaġġ wara l-karattri tant maħbubin, u nsiru nafu kif Peppa sabet leħinha f’din il-lingwa. Minn Peppi Azzopardi sa Eileen Montesin u ismijiet oħra magħrufa, ara kif dawn il-vuċijiet taw il-ħajja u l-kulur lill-verżjoni lokali ta’ din il-franchise internazzjonali.
Dan il-proġett qed jerġa’ jkun żviluppat b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, li se jkompli jappoġġja dan il-proġett għat-tliet snin li ġejjin.
Maris Camilleri, Aġent Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, saħqet fuq l-importanza ta’ din l-inizjattiva u qalet, “L-għan tagħna hu li nressqu lit-tfal lejn l-ilsien Malti b’mod edukattiv u pjaċevoli. It-tfal mhumiex biss il-futur ta’ Malta, imma wkoll il-futur tal-lingwa tagħna. Billi nużaw metodi moderni u kreattivi bħal dan il-proġett, niżguraw li l-ilsien jibqa’ ħaj, rilevanti u maħbub mill-ġenerazzjonijiet futuri.”
Ben Camille, Ko-Fundatur u Direttur ta’ Media Exclusive qal, “Nistgħu ngħidu b’kburija li dan hu l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’Malta – fejn ħadna waħda mill-aktar cartoons popolari għat-tfal u adattajniha kompletament bil-Malti. Hu pass sinifikanti għall-promozzjoni tal-lingwa u l-kontenut lokali.”
Rachel Cachia, Produttur Eżekuttiv ta’ Media Exclusive, enfasizzat l-element inklussiv tal-proġett, “Peppa Pig bil-Malti tinkludi t-tliet lingwi uffiċjali ta’ Malta – il-Malti, sottotitli bl-Ingliż, u interpretazzjoni bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Dan jagħmilha aktar aċċessibbli għal aktar tfal u familji, mingħajr distinzjoni ta’ lingwa jew abbiltà.”
It-tieni staġun ta’ Peppa Pig bil-Malti iġib miegħu aktar avventuri divertenti u edukattivi, li jkomplu jqarrbu lit-tfal lejn il-lingwa u l-kultura Maltija b’mod sabiħ u modern.