“Persuni LGBTIQ+ Ħafna Drabi Jġorru Piż Li Ħafna Ma Jarawx…" – Il-Psikologu Nicholas Briffa

Il-psikologu Nicholas Briffa jaqsam post li tqajjem aktar għarfien. Hu jibda billi jikteb, “B’din il-post nixtieq noħloq naqra għarfien dwar nies LGBTIQ+ u l-isfidi tagħhom. Qed nikteb dan mhux f’relazzjoni ma’ xi każ partikolari li seħħ f’dawn l-aħħar xhur, imma fid-dawl ta’ dak li niltaqgħu miegħu fix-xogħol kliniku tagħna.”

Hu jgħid, “Nibda biex ngħid li persuni LGBTIQ+ ħafna drabi jġorru piż li ħafna ma jarawx, piż li jista’ jwassalhom sal-punt li jaraw is-suwiċidju bħala l-unika triq ‘il barra mill-uġigħ li qed jgħixu fih. Dan l-aħħar Trevor u sħabu (2024) sabu realtà li tweġġa’: huma tliet sa erba’ darbiet aktar suxxettibbli li jippruvaw itemmu ħajjithom. Mhux għax huma dgħajfa, imma għax spiss jgħixu f’dinja li tirrifjuthom, li tgħajjarhom u li tittrattahom bħal xi ħaġa żbaljata b’mod kemm dirett kif ukoll indirett.”

Il-psikologu jkompli, “Meta wieħed iħares speċifikament lejn iż-żagħżagħ, bosta studji wrew li ż-żgħażagħ leżbjani, omosesswali, u bisesswali għandhom rata ogħla ta’ tentattivi ta’ suwiċidju miż-żgħażagħ eterosesswali. Skond stħarriġ tal-Proġett Trevor tal-2023, 18% taż-żgħażagħ LGBTQ+ ippruvaw suwiċidju, rata darbtejn ogħla mill-popolazzjoni ġenerali adoloxxenzjali. Nista’ nikkwota iżjed cohorts u riċerki imma l-punt għamiltu.”





Hu jkompli, “Il-ġlieda tagħhom mhi xejn faċli. Din ħafna drabi tkun magħmula minn tbatija kbira marbuta mal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, minn dipressjoni profonda, użu ta’ sustanzi, esperjenzi ta’ vjolenza u tgħajjir, u fuq kollox minn sens kbir ta’ miċħuda.”

Il-psikologu jispjega, “Wieħed mill-ikbar uġigħ li jkollhom huwa li jaqtgħu qalbhom li jsolvu l-konflitt mal-familja tagħhom stess. Ħafna drabi, dawk li suppost iħobbuk bla kundizzjoni u bla tarf…il-missier jew l-omm… jkunu dawk li jagħtuk l-ikbar kedda. Fil-fatt, nofs iż-żgħażagħ LGBTIQ+ li għamlu attentat ta’ suwiċidju qalu li missierhom ma aċċettahomx kif inhuma.”

Hu jkompli, “Jekk tassew irridu nbiddlu dan l-andament, għandna bżonn niftħu qalbna. Il-familji u ċ-ċrieki soċjali għandhom jagħrfu kemm l-accettazzjoni tagħhom tista’ tkun salvazzjoni. U bħala soċjetà, irridu noffru aktar għajnuna, aktar sigurtà fl-iskejjel u postijiet tax-xogħol. Aktar mħabba u inqas ġudizzju.”

Il-psikologu jżid, “Għad għandna triq twila quddiemna biex inkissru l-istigma li għadha teqred lil tant nies. Din l-istess stigma li jġiegħel kemm lill-vittmi jidħlu fis-skiet li jaqta iżjed minn mus tal-leħja, kif ukoll lill-qraba jħossuhom waħedhom u mwarrbin. Hemm bżonn li nqumu fuq saqajna, bħala komunità, u ngħidu b’vuċi waħda: kull persuna jixirqilha li tiġi maħbuba u aċċettata kif inhi. Dan huwa l-ewwel pass biex il-persuna ngħinuha tifhem li ħajjitha hija prezzjuża.”

Hu jtemm, “Infakkar fis-servizzi speċjalizzati Rainbow Services 7943 0006 u anke DRACHMA LGBTIQ 7925 3875 għal min isib ruħu f’dawn id-diffikultajiet.”



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI