“Pina Qed Tirkupra Tajjeb!” – Christa Cilia Tagħti Aġġornament Pożittiv Dwar Il-Kelba Li Salvat

Christa Cilia qasmet aġġornament pożittiv dwar Pina, il-kelba li salvat tliet ġimgħat ilu, hekk kif żvelat li l-kundizzjoni tagħha qed tkompli titjieb jum wara l-ieħor.

Fuq il-midja soċjali, Christa spjegat li riċentement reġgħu sarulha blood tests u r-riżultati kienu inkoraġġanti ħafna. Għalkemm Pina għadha teħtieġ mediċina u kura kontinwa, hija qalet li kollox jindika li qed timxi fid-direzzjoni t-tajba.



Matul check-up li kellha mal-veterinarja tagħha, Christa semmiet li Pina kienet qed tgħatas ħafna. Waqt l-eżami, il-veterinarja nnutat riħa qawwija ġejja minn waħda mill-imnifsejn tagħha u ddeċidiet li tinvestiga aktar.



Għas-sorpriża tagħhom, instabet ħafura fonda ħafna ġewwa mneħirha. Minħabba li kienet daqshekk ’l isfel, Pina kellha tingħata sedazzjoni ħafifa sabiex tkun tista’ titneħħielha mingħajr problemi. “Miskina, mhux ta’ b’xejn li kienet qed tgħatas daqshekk,” kitbet Christa fil-messaġġ tagħha.

Hija faħħret ukoll lill-veterinarja Dr. Christa u lil Nurse Jaevin, filwaqt li rrimarkat kemm apprezzat il-fatt li minkejja li kien l-aħħar appuntament tal-ġurnata, huma xorta ħadu l-ħin biex jinvestigaw il-problema u jsolvuha minnufih.

L-aħbarijiet pożittivi ma waqfux hemmhekk. Meta Christa salvat lil Pina tliet ġimgħat ilu, hija kienet tiżen biss 9 kilogrammi. Illum, il-piż tagħha tela’ għal 13-il kilogramma, żieda impressjonanti ta’ 4 kilogrammi fi żmien qasir ħafna.

Għalkemm għad fadlilha ftit aktar piż x’titla’, Pina qed issir aktar b’saħħitha u aktar kuntenta kuljum, fatt li ferraħ lil dawk kollha li segwew il-vjaġġ tagħha mill-bidu. Christa temmet il-messaġġ tagħha billi rringrazzjat lil kull min baqa’ jsegwi l-progress ta’ Pina, talab għaliha u wera l-appoġġ tiegħu matul dawn l-aħħar ġimgħat.

Araw il-post ta’ Christa billi tagħfsu HAWN.



Ritratti:

Facebook / Christa Cilia

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI