Programm Ġdid Ma’ Fiorella Chircop Kuljum Fis-19:30 Fuq TOKIS

TOKIS qed ikompli jsaħħaħ l-iskeda tiegħu b’aktar programmi ta’ divertiment għall-familja kollha. Din id-darba, mal-iskeda ta’ waranofsinhar se jingħaqad Fi Strada Rjali, programm ġdid u varjat ippreżentat minn Fiorella Chircop.

Mit-Tnejn 28 ta’ Settembru, TOKIS se jkun qed joffri ħames programmi differenti kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, b’xandir li jibda mit-15:30 ’il quddiem. Fi Strada Rjali se jkun parti minn din l-iskeda u se jixxandar kuljum fis-19:30.

Bħalma jissuġġerixxi l-isem, Fi Strada Rjali se jieħu lit-telespettaturi f’dinja fejn tista’ tiltaqa’ ma’ kollox u ma’ kulħadd. Nies, tradizzjonijiet, ikel, moda, divertiment, talent u sitwazzjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum se jingħaqdu flimkien fi programm frisk u dinamiku.

Fiorella Chircop se tkun qed tmexxi dan il-vjaġġ madwar Malta u Għawdex, b’taħlita ta’ stejjer interessanti, mumenti emozzjonanti u divertiment. Kull ġimgħa, Fiorella se tkun akkumpanjata minn personalità mistiedna li se tibqa’ magħha tul il-ġimgħa kollha. Flimkien se jaraw u jiddiskutu l-istejjer u s-suġġetti differenti li jitwasslu waqt il-programm, filwaqt li jaqsmu l-opinjonijiet u l-esperjenzi personali tagħhom.

Dan il-format se jagħti wkoll opportunità lit-telespettaturi biex isiru jafu naħa differenti u aktar personali tal-mistieden tal-ġimgħa, lil hinn minn dak li normalment jaraw minnu.

Il-varjetà se tkun fil-qalba ta’ Fi Strada Rjali. Fost is-suġġetti li se jidħlu fihom insibu l-moda u s-sbuħija, l-ikel, is-saħħa, il-familja u r-relazzjonijiet, l-annimali, l-ivvjaġġar, kif ukoll it-tradizzjonijiet u n-nostalġija. Matul il-programm se niltaqgħu wkoll ma’ talenti differenti, inżuru postijiet interessanti u nisimgħu l-istejjer ta’ persuni li għandhom esperjenzi x’jaqsmu.

Iżda Fi Strada Rjali mhux se jkun limitat għall-istudio. Vox-pops, sfidi ħfief, esperimenti soċjali, sorpriżi u laqgħat spontanji man-nies mistennija jżidu element imprevedibbli mal-programm u jwasslu għal mumenti ġenwini, umoristiċi u xi drabi anke emozzjonanti.

Fi Strada Rjali għalhekk iwiegħed li jkun programm qrib il-poplu, fejn kull persuna tista’ ġġib magħha storja u kull ġurnata tista’ twassal għal xi ħaġa kompletament differenti.

Kif Tista’ Tara TOKIS?

Bħalissa hemm ukoll offerta għal dawk li jixtiequ jibdew isegwu TOKIS. L-ewwel tliet xhur sħaħ ta’ GO TV qed jiġu offruti għal €5.99, segwiti minn €5.99 fix-xahar, bis-servizz jista’ jiġi kkanċellat fi kwalunkwe ħin mingħajr penali. Lanqas m’hemm bżonn tkun klijent ta’ GO biex tabbona.

L-abbonament jinkludi TOKIS, il-librerija TOKIS On Demand b’aktar minn 4,000 episodju li jistgħu jintwerew meta trid, kif ukoll 20 stazzjon Malti u Taljan. Biex tibda, kull ma trid tagħmel huwa li tniżżel l-app GO TV b’xejn u tabbona. L-offerta u l-iskeda sħiħa ta’ TOKIS jinsabu fuq is-sit ta’ GO.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI