“Sengħa Li Qed Tintilef… Imma Passjoni Li Baqgħet Ħajja” – L-Istorja Ta’ Angelo Catania

Fost il-ġenn tal-ħajja moderna u t-teknoloġija li dejjem timxi ’l quddiem, hemm stejjer li jfakkruna fis-sbuħija tas-sempliċità… u f’snajja li llum kważi spiċċaw. Storja bħal din hi dik ta’ Angelo Catania, li ġiet maqsuma mill-paġna popolari The People of Malta.

Angelo, li għandu ’l fuq minn 80 sena, ilu sa mill-1954 jaħdem bħala legatur, sengħa li tinvolvi l-għaqda tal-karti f’kotba bl-użu tal-imsella, ħajta u kolla. Għalkemm illum waqaf mix-xogħol minħabba li qed jieħu ħsieb lil martu li tinsab marida, xorta waħda jgħid li “inċekċek xi ħaġa meta hi tkun mistrieħa”. Illum, dak li jagħmel sar aktar xogħol volontarju milli professjoni.

Huwa jispjega li x-xogħol ta’ legatur jitlob ħafna paċenzja u dedikazzjoni. Għodod bħal riga, labar, serrieq, cutter, kolla u pressa huma essenzjali biex jinħoloq ktieb minn xejn. Madankollu, illum il-ġurnata kollox sar b’magni u sistemi moderni, u din is-sengħa tradizzjonali qed tisparixxi ftit ftit.



Imma l-vjaġġ ta’ Angelo ma kienx wieħed ippjanat. Meta kien għadu żgħir, kien kważi beda jaħdem bħala mekkanik. Iżda laqgħa ma’ surmast tal-iskola bidlet kollox. “Dak xogħol li titħammeġ,” kien qallu, u ħeġġu biex imur il-labour office. Minn hemm intbagħat jaħdem fi stamperija, u hemmhekk bdiet l-imħabba tiegħu għal-legatura.



“Għalija kollox tajjeb kien, l-aqwa li naħdem,” jgħid Angelo. U hekk, pass pass, is-sengħa saret il-passjoni tiegħu. Waħda mill-ikbar sfidi tiegħu kienet meta jaslu karti mqattgħin u kellu jirranġahom, sfida li dejjem kienet tagħtih sodisfazzjon kbir meta jirnexxielu.

Fost il-mumenti li baqgħu għal qalbu hemm wieħed partikolari: li jgħaqqad it-teżi tan-neputijiet tiegħu f’kotba. “Minn meta kont iżgħar dejjem xtaqt nagħmel hekk… u nista’ ngħid li qtajtha,” jistqarr b’sens ta’ kburija.

Storja bħal din tfakkarna li minkejja li ċerti snajja jistgħu jintilfu maż-żmien, il-passjoni u d-dedikazzjoni jibqgħu jgħixu fil-qalb ta’ dawk li jgħixuhom.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI