L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) qed jinvestigaw l-inċident li seħħ fi Triq Reggie Miller, il-Gżira, fejn ċeda scaffolding waqt li kienu għaddejjin xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ awtoritajiet ikkonfermaw li ħadd ma weġġa’ fl-inċident.
Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li l-iscaffolding ċeda waqt li kienu qed isiru xogħlijiet fuq is-sit. Madankollu, l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin sabiex tiġi stabbilita l-kawża eżatta tal-inċident. L-OHSA u l-BCA qalu wkoll li kemm il-kuntrattur kif ukoll l-iżviluppatur kellhom il-permessi kollha meħtieġa mill-awtoritajiet biex iwettqu x-xogħlijiet.
Sadanittant, għaddejja operazzjoni taħt is-superviżjoni taż-żewġ awtoritajiet biex jitneħħa l-iscaffolding u t-triq tkun tista’ terġa’ tinfetaħ għat-traffiku mill-aktar fis possibbli.