Il-lejla fil-Birgu se ssir velja għat-tifla foster ta’ seba’ snin li nħatfet ix-xahar li għadda minn ommha tat-twelid. It-tifla kienet taħt ordni ta' kura mill-istat u spiċċat maħtufa b'mod illegali minn ommha li wellditha 44 jum ilu.
In-Netwerk tal-Assoċjazzjonijiet tat-Tfal ta' Malta magħrufa bħala l-MaltaCAN magħmulha minn 16-il NGO qed torganizza dan l-avveniment. Qed isir dan għax hemm biża' li t-tifla tista' tkun fil-perikolu speċjalment li għadu ma ġiex stabbilit il-post li fih qiegħda din it-tifla.
“Ejjew inkunu l-attivisti biex din it-tifla ma tiġix abbandunata. Ejjew nuru l-importanza li ma naqtgħux qalbna quddiem avversità bħal din. Ejjew ma nitilfux it-tama! Ejjew ningħaqdu fl-azzjoni u fit-talb għar-ritorn sigur ta’ din it-tifla ta’ seba ’snin u tant tfal oħra li kull sena jisparixxu madwar l-Ewropa,” kiteb il-grupp fi stqarrija.
Il-quddiesa ser issir fis-18:30 fil-Knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu fejn wara ħa jitpoġġew xemgħat barra l-Knisja bħala simbolu ta’ għarfien u appell għall-għajnuna biex tinsab din it-tifla. Il-familja, li kienet tieħu ħsieb it-tifla minn meta kien għadha tarbija, issa qed titlob lil dawk kollha li kapaċi jagħtu informazzjoni dwar il-ħtif sabiex jersqu b'din l-informazzjoni lejn l-awtoritajiet.
Instagram / trulyfiligreemalta