Għal Daniel Borg Cardona, il-kisbiet li nkisbu lbieraħ filgħaxija ma kinux biss dwar premjijiet u rikonoxximenti, iżda fuq kollox dwar in-nies li tul is-snin kienu parti mill-vjaġġ tiegħu.
F’messaġġ mimli emozzjoni, Daniel qasam il-ferħ tiegħu wara s-suċċess, filwaqt li ddedika kliem speċjali lil Frankie Grima li rċieva l-premju għall-kisba ta’ ħajtu. Daniel iddeskrivieh bħala l-mentor, l-għalliem u saħansitra bħala missieru, filwaqt li qal, li jirbaħ maġenbu kienet waħda mill-isbaħ affarijiet li qatt setgħet tiġri.
Għaldaqstant, il-gratitudni tiegħu ma waqfitx hemm. Daniel feraħ ukoll lill-ħaddiema kollha li, permezz tax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom, komplew jikkontribwixxu għas-suċċess tal-istabbilimenti. Fost ir-rikonoxximenti kien hemm Burgers.ink, li ġie msemmi bħala l-aqwa franchise tal-burgers tas-sena, kif ukoll Toro Nero, li kiseb diversi premjijiet, fosthom għall-aqwa steakhouse lokali, l-aqwa cocktail u l-aqwa għażla ta’ laħam.
“Grazzi lil kull min jagħmel dan possibbli,” temm jgħid Daniel, filwaqt li reġa’ feraħ lil Frankie u wassallu messaġġ mill-qalb ta’ mħabba u apprezzament.

Facebook/Daniel Borg Cardona