Il-komunità tal-Marsa tinsab maħkuma minn niket wara l-aħbar tal-mewt ta’ Christian Agius, magħruf minn ħafna bħala “il-Lixxu”, persuna li għal snin twal kienet marbuta b’mod qawwi ma’ Marsa F.C. u mal-familja kbira tal-partitarji tagħha.
Christian ma kienx biss sostenitur tal-klabb. Huwa kien parti mill-istorja tiegħu. Beda l-vjaġġ tiegħu bħala goalkeeper fin-nursery tal-Marsa, fejn irrappreżenta lill-klabb f’kull kategorija ta’ età sa ma wasal mal-Minors.
Għaldaqstant, l-imħabba tiegħu għall-Marsa kompliet anke lil hinn mill-grawnd. Fl-2013 kellu rwol importanti fit-twaqqif tal-grupp ta’ partitarji Ultras Marsin u baqa’ attiv fil-ħidma u fl-appoġġ tiegħu għall-fanbase. Christian serva wkoll fuq il-kumitat ta’ Marsa F.C., u għal ħafna baqa’ wiċċ magħruf u preżenza kostanti madwar il-klabb.
Il-mewt tiegħu tfisser telf kbir għal dawk kollha li kienu jafuh, iżda l-imħabba u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-Marsa se jibqgħu parti mill-memorja tal-klabb.
B'hekk, it-Tim ta' Gwida.mt jixtieq iwassal il-kondoljanzi sinċiera lill-familja tiegħu!