Rebħa Prestigjuża Għal Francesca Curmi Kontra T-Tennista Numru 129 Fid-Dinja!

It-tennista Maltija Francesca Curmi kompliet tagħmel unur lil pajjiżna hekk kif kisbet rebħa mill-isbaħ kontra t-tennista Spanjola Marina Bassols Ribera, li tinsab fil-129 post tar-rankings mondjali, biex b’hekk għaddiet għall-kwarti tal-finali tat-turnew f'Mallorca.

Curmi, li bħalissa tinsab fil-233 post fid-dinja, kellha turi determinazzjoni kbira biex tegħleb lir-raba’ seed tat-turnew f'logħba mill-aktar eċċitanti li ntemmet bl-iskor ta’ 3-6, 6-3, 6-3 favur il-Maltija. Kienet l-Ispanjola li bdiet fuq nota pożittiva u rnexxielha tirbaħ l-ewwel set. Madankollu, Curmi ma qatgħetx qalbha u, b’logħob konsistenti u determinazzjoni kbira, irnexxielha ddawwar ir-riżultat favur tagħha.

It-tennista Maltija approfittat ukoll mid-diffikultajiet li kellha l-avversarja tagħha fis-servizz, hekk kif Bassols Ribera wettqet għaxar double faults matul il-konfront. Curmi rebħet iż-żewġ sets ta’ wara bl-istess skor ta’ 6-3 biex kisbet post fost l-aħħar tmien plejers tat-turnew.

Din kienet it-tieni logħba konsekuttiva f’dan it-turnew li fiha Curmi rnexxielha tirkupra wara li tilfet l-ewwel set, fatt li jkompli juri s-saħħa mentali u l-perseveranza tagħha fil-court. Bla dubju, riżultat mill-isbaħ għal Francesca Curmi, li qed tkompli ttella’ isem Malta fix-xena internazzjonali tat-tennis.

Prosit kbira, Francesca! Awguri għall-kwarti tal-finali!

Ritratt:

Facebook / Francesca Curmi

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI