Il-preżentatur magħruf Twanny Scerri qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, hekk kif illum, 14 ta’ Ottubru, qed ifakkar il-11-il anniversarju mill-mewt tal-għażiż missieru Karmenu.
Twanny fakkar dak li ġara nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Ottubru 2015, ġurnata li baqgħet imnaqqxa f’qalbu. Dakinhar, wara l-programm Bonġu Calypso, kien beda jipprepara għal programm politiku bl-isem Kontra r-Riħ, li kien jippreżenta fuq Xejk TV u li kellu jiddiskuti l-Budget ta’ dik is-sena.
Madankollu, il-pjanijiet tiegħu nbidlu ħesrem meta rċieva telefonata mill-Isptar Mater Dei, fejn kien jinsab missieru, biex imur minnufih hekk kif il-kundizzjoni tiegħu kienet marret għall-agħar. Twanny jirrakkonta li rnexxielu jasal fil-ħin biex jara lil missieru għadu ħaj. Fost l-aħħar kliem li qallu, Karmenu ħeġġu biex imur jagħmel il-programm tiegħu ta’ dik il-lejla.
"Mur għamlu l-programm illejla għax tinkwetani!" fakkar Twanny, filwaqt li spjega li hu wieġbu, "Le ta!" Kienu biss ħames minuti wara li missieru għalaq għajnejh għall-aħħar darba. "Għaddew 11-il sena u l-uġigħ jibqa’! Strieħ fis-sliem Missier," temm jgħid Twanny fil-messaġġ tiegħu, li juri kemm it-telfa ta’ persuna għażiża tibqa’ tinħass minkejja li jgħaddu s-snin.
Minn Gwida.mt insellmu l-memorja ta’ Karmenu u nibagħtu ħsibijietna lil Twanny u lill-familja tiegħu f’dan il-jum ta’ tifkira.
Facebook / Twanny Scerri