Mument mhux tas-soltu, li seta’ spiċċa f’periklu, inbidel fi storja sabiħa ta’ solidarjetà u għajnuna fl-akwati ta’ Buqana, fir-Rabat.
Il-Membru Parlamentari, Alicia Bugeja Said, qasmet fuq il-midja soċjali esperjenza li kellha dalgħodu wara l-Paperscan, meta flimkien ma’ persuni oħra għenet biex jiġi salvat pony li deher maħrub u kien qed jiġri qalb il-karozzi.
Sitwazzjoni bħal din setgħet faċilment twassal għal inċident serju, kemm għall-annimal innifsu kif ukoll għas-sewwieqa li kienu għaddejjin minn dik it-triq. Madankollu, grazzi għall-intervent ta’ dawk li waqfu biex jassistu, il-pony seta’ jingħata l-għajnuna meħtieġa.
L-MP, irringrazzjat lil dawk kollha li ma baqgħux għaddejjin, iżda ddeċidew li jieqfu u jagħtu daqqa t’id f’dan il-mument delikat. Ġest li jfakkarna kemm huwa importanti li nuru sens ta’ responsabbiltà u kompassjoni meta naraw lil xi ħadd fil-bżonn, anke meta dak li jkollu bżonn l-għajnuna jkun annimal.
L-isbaħ parti minn din l-istorja hija li l-pony issa jinsab lura ma’ sidu, qawwi u sħiħ. B'hekk, tmiem sabiħ għal avventura mhux mistennija, grazzi għal dawk li għażlu li jieqfu u jgħinu!
Facebook/Alicia Bugeja Said