Il-kantanta lokali Nicole Hammett kitbet messaġġ profond iddedikat lil nannitha biex tesprimi kemm qed tħoss in-nuqqas tagħha u kemm tixtieq tgħidilha affarijiet.
Hi kitbet, “Seba’ snin ilu kienet waħda mill-agħar ġranet ta’ ħajti. Ma stajtx nimmaġina kif ser ngħix ħajti mingħarjek. Kont ngħid bejni u bejn ruħi; kif mhux ser narak iktar? X’ser nagħmel biex nerġa’ ngħannqek darb’ oħra? Kif ser nerġa’ nisma’ leħnek? X’nista’ nagħmel biex nerġa’ nisma’ d-daħka tiegħek?”
Żiedet tgħid, “Kemm kont maħbuba għażiża tiegħi. Għaddew seba’ snin u nibqa’ nitkellem fuqek u naħseb fik kuljum u dejjem nipprova nżomm id-dmugħ lura. Illum il-ġurnata ngħid; kemm nixtieq qed tarani bħala adulta, kemm nixtieq li qed tarani bħala għalliema, min jaf kemm kont tkun ferħana kieku tarani fir-relazzjoni sabiħa li għandi ma’ Raoul kif kont dejjem xtaqtli.”
Fl-aħħar kitbet, “Nanna nispera li qed nagħmlek kburija bil-passi li qed nieħu. Inwegħdek li nibqa’ nsellem il-memorji sbieħ li kelli miegħek sal-aħħar nifs ta’ ħajti. Inħobbok immens Nanna Lina tiegħi. Għal dejjem.”
Facebook / Nicole Hammett