“Sena Li Għallmitni Nħobb Aktar Lili Nnifsi” – Michela Galea Dwar L-2025 U Dak Li Ġej Fl-2026

Hekk kif nibdew sena ġdida, il-personalità Maltija Michela Galea tħares lura lejn sena li ħalliet marka qawwija fuq ħajjitha, sena li – kif tiddeskrivi hi stess – għallmitha ħafna dwar ir-reżiljenza, l-awtentiċità u l-imħabba lejha nnifisha.

Magħrufa fil-qasam tal-kant, fid-drama, fl-imudellar u wkoll bħala għalliema, Michela tgħid li s-sena 2025 kienet mimlija avventuri u impenji differenti, iżda fuq kollox kienet sena ta’ tagħlim personali. Esperjenzi li, minkejja li kultant ikunu ta’ sfida, wassluha biex tipprijoritizza aktar lilha nnifisha u tifhem aħjar min hi tassew. “Kollox iseħħ għal xi raġuni” tibqa’ frażi li temmen fiha bis-sħiħ, għax kull esperjenza fl-2025 wasslitha biex issir aktar b’saħħitha u realistika.



Tul is-snin rajnieha tilbes diversi kpiepel – minn għalliema għal attriċi, minn kantanta għal mudella – u għal Michela dawn l-irwoli kollha jibqgħu għal qalbha. Hija tgħid li fis-sena li ġejja dawn se jibqgħu jkunu parti prominenti minn ħajjitha, għax kull wieħed minnhom jagħtiha sodisfazzjon differenti u tkompli tkabbar il-ħiliet tagħha kemm fuq livell personali kif ukoll professjonali.



Aspett ieħor li Michela dejjem saħqet fuqu huwa l-imħabba tagħha lejn dak li hu lokali, b’mod speċjali l-lingwa Maltija. Hija temmen li l-Malti huwa dak li jagħtina l-identità tagħna bħala poplu, lingwa unika li ma ssibx bħalha mkien aktar fid-dinja. Għalhekk tħoss li huwa importanti ferm li nibdew inrawmu l-importanza tal-lingwa u l-kultura Maltija mat-tfal tagħna sa minn età żgħira.



Meta tiġi għall-pjanijiet għall-2026, Michela tiżvela li hemm diversi proġetti fuq l-orizzont. Fosthom, ir-ritorn tal-musical tant maħbub Grease, li wara s-suċċess li kellu fl-2023 fit-Teatru Manoel, se jerġa’ jittella’ f’April li ġej fid-Dar il-Mediterran. Michela tgħid li tinsab tassew kuntenta li se terġa’ tkun parti minn kast formidabbli. Barra minn hekk, għandha wkoll proġett ieħor għal qalbha immens, li għalissa għadu taħt is-segretezza, iżda wiegħdet li aktar dettalji jitħabbru dalwaqt.

Bħala għeluq tal-messaġġ tagħha f’jum l-ewwel tas-sena, Michela xtaqet taqsam awgurju mill-qalb mal-qarrejja: sena mimlija saħħa, paċi, kuntentizza u mħabba. Xewqa li kull persuna ssib dak kollu li tixtieq qalbha u tibda s-sena l-ġdida b’tama u pożittività.

Ritratti:

Facebook / Michela Galea

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI