“Meta L-Għeżież Tagħkom Għadhom Ħajjin… Ħobbuhom Issa, Sibu L-Ħin Għalihom Issa, Ferrħuhom u Għinuhom Issa” – Angela Coleiro

Angela Coleiro Page Icon

Hekk kif bdejna sena oħra, qed inwasslulkom intervista li kellna mal-preżentatriċi bravissima, Angela Coleiro, li kellmitna dwar is-sena li għaddiet, 2025, u dak li hu mistenni għall-2026.

Angela rritornat bħala preżentatriċi matul din is-sena li għaddiet fuq NET FM bil-programm Moving Forward, u ċertament li dan huwa ta’ pjaċir għal tant semmiegħa li jsegwuha b’interess. Lil Angela nafuha tippreżenta diversi programmi kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televiżjoni.

Rajnieha kemm-il darba anke bħala attriċi fuq it-televiżjoni, fosthom Qegħdin Sew!, Undercover u Becky The Return. Nafu wkoll dwar l-imħabba tagħha tas-safar, xi ħaġa li ħa tkun preżenti fl-2026 wkoll mid-dehra!

Araw x’qaltilna dwar is-sena l-ġdida u l-messaġġ li xtaqet twassal.

Kultant issib min jgħidlek ‘U iva, ħa tispiċċa sena u tibda oħra, ġurnata bħall-oħrajn!’ – Int kif tħares lejn il-bidu ta’ sena ġdida, Angela?

Jiena qatt ma niċċelebra l-ewwel tras-sena. Dejjem niċċelebra li għaddiet sena oħra. Għaliex li jkun ġara matul is-sena li tkun waslet biex tispiċċa, inkun naf x’ġara, kemm it-tajjeb u l-ħażin, ferħ u l-biki, imma dak li ġej għalija fis-sena l-ġdida ma nafx. Allura, fl-opinjoni tiegħi, ma tistax tiċċelebra xi ħaġa li ma tafx x’ser tkun. Minn mindu tlift lill-għeżież ġenituri tiegħi, dan li qed ngħid jagħmel ħafna aktar sens. Fis-sena li miet missieri, u fis-sena li mietet ommi, jiena ma kellix idea li ser nitlef lil missieri, u li ser nitlef lil ommi. Allura, niċċelebra s-sena li tkun spiċċat aktar minn dik li ħa tibda.



Tirrakkuntalna xi esperjenza, storja jew xi ħaġa partikolari li ġrat matul l-2025?



L-2025 għalija kienet sena li fiha kien hemm mumenti diffiċli u mumenti sbieħ ukoll. Diffiċli, għax għalkemm issa ommi ilha mejta sentejn u erba’ xhur, xorta waħda għaddejja mill-grieving process li tlift lil ommi. Affarijiet pożittivi kienu li ngħatajt l-opportunita li nerġa’ nibda r-radju, bdejt fl-4 t’Ottubru fuq NET FM bil-programm Moving Forward. Kelli l-opportunita wkoll li matul is-sena li għaddiet, sifirt sitt darbiet. Nirringrazzja lill-Mulej li tani din l-opportunita. L-ibliet li mort fihom matul l-2025 huma Tesaloniki, il-Greċja (f’Marzu), Hania, Kreta (f’Ġunju), Perugia, l-Italja (f’Awwissu), Triviso, fl-Italja (f’Settembru), Torino, l-Italja (f’Novembru), u Ateni, il-Greċja (f’Diċembru).  

Xi memorji li għandek ta’ xi New Year’s Eve mill-passat. Xi tgħidilna?

Ma nafx għaliex, imma jiena ma tantx inħobb niċċelebra lejliet l-ewwel tas-sena. Minn dejjem, anke meta l-ġenituri kienu ħajjin, hekk ma nafx għala jagħmilli d-dwejjaq. Nippreferi l-ġurnata tal-Milied. Meta kont iżgħar ġieli kont immur xi clubbing, u ġieli xrobt xi naqra ż-żejjed lejliet l-ewwel tas-sena. Imma jiena anke meta kont iżgħar, minn dejjem nippreferi l-Milied u l-ġranet li jwasslu għall-Milied, milli lejliet l-ewwel tas-sena.

Kif tqattagħha l-bidu tas-sena l-ġdida normalment?

Fil-ġurnata tal-ewwel tas-sena normalment immur niekol ma’ oħti. Jien għandi tnejn oħti, waħda iżgħar u waħda ikbar minni. Oħti l-kbira għandha ħafna tfal u neputijiet, allura fil-Milied ma tantx inkun nista’ naraha ħafna għax naturalment tkun mat-tfal u n-neputijiet, kif għandu jkun. FL-ewwel tas-sena, hi tiddedika dik il-ġurnata għalija biex immorru nieklu flimkien, bħala aħwa. Meta kienet għadha ħajja ommi, ovvjament konna ġieli niltaqgħu jew għandi jew għand ħuti, u nieklu flimkien. Minn mindu ħallietna ommi, niltaqa’ ma’ oħti fl-ewwel tas-sena.

Oħti l-kbira jisimha Sue, u għandha sitt itfal u seba’ neputijiet, għadu kemm kellna twelid ġdid fil-familja fl-2025, jisimha Hailey, l-iżgħar membru fil-familja tagħna.

Tliet kelmiet li bihom tiddeskrivi l-2025 u x’tixtieq l-iktar għall-2026.

Is-sena 2025 nista’ niddeskriva; sena ta’ sfidi, diffikultajiet imma pożittivita. Kelli xi problemi b’saħħti ukoll, iżda għall-grazzja t’Alla issa l-affarijiet huma ħafna aħjar. Diffikultajiet; iżda pożittivita wkoll. Ġraw affarijiet pożittivi wkoll. Dan l-aħħar għaddejt minn daqsxejn żmien diffiċli, iżda għax il-karattru tiegħi huwa tali, xorta waħda nipprova għalkemm mhux dejjem jirnexxieli, li nħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv. Jien ma nemminx li huwa possibbli, għax ġieli jgħidulek ‘aħseb fil-pożittiv, kun pożittiva.’ Iva, huwa tajjeb li tkun hekk, imma ma nemmen lil ħadd li jgħid li huwa pożittiv dejjem. Huwa impossibbli, għax il-ħajja hi li hi, fiha mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli, u mhux dejjem ikun possibbli li tkun pożittiv. Imma normalment jien nipprova nkun persuna pożittiva.

Fil-ħajja personali rrid nitgħallem inħobb lili nnifsi aktar, mingħajr ma nkun arroganti, u nipprova nifhem nies b’ideat differenti, għax kulħadd differenti ħadd mhu ħa jaqbel miegħek f’kollox, u aktar ma nikber u aktar ma nimmatura, qed nipprova nagħmel dan.



Hemm xi fatti kurjużi dwar Angela li għandna nistennew għas-sena 2026?

Nista’ nagħti ħjiel dwar dak li bi ħsiebni, jew qed nipprova nippjana li nagħmel matul is-sena 2026. L-ewwel ħaġa hi li sakemm nibqa’ b’saħħti bi ħsiebni nibqa’ bil-programm tar-radju fuq NET FM, Moving Forward, għall-iskeda tax-xitwa. Nixtieq ukoll, dejjem jekk nibqa’ b’saħħti, li nsiefer ħafna. Naħseb indunajtu li s-safar huwa wieħed mill-passatempi favoriti tiegħi! Il-pjan huwa li f’Marzu, għaliex jiena nagħlaq żmieni fil-11 ta’ Marzu, f’dik il-ġimgħa mmur jew Stokħolma fl-Iżvezja, jew Lisbona u Porto fil-Portugall, għadni ma ddeċidejtx. Għandi f’moħħi li nagħmel waħda long haul, u mmur ukoll sa New York fl-Istati Uniti tal-Amerika. Imbagħad forsi l-Italja u l-Greċja, għaliex jiena l-post favorit tiegħi huwa l-Greċja, u wara l-Italja, allura dawk kull sena mmur meta nkun nista’ f’xi belt minnhom.

Messaġġ tal-Ewwel tas-Sena għas-segwaċi kollha tiegħek u għall-pubbliku.

Jekk irrid nista’ nagħmel bħalma jagħmel kważi kulħadd, u nawgura ħafna risq u hena, u mumenti sbieħ u saħħa lil kulħadd, u huma sentimenti sbieħ. Ovvjament jien ukoll nawgura lil kulħadd dawn is-sentimenti; imma il-messaġġ tiegħi għas-sena 2026, huwa għożżu lin-nies li jħobbukom. Kif għidtilkom f’din l-intervista, ftit iktar minn sentejn ilu tlift lill-għażiża ommi. M’għandhiex indiema kif ngħidu, għax dejjem ħadt ħsiebha, dejjem ħabbejtha, u ferraħtha, iżda hi telfa kbira ħafna. Diffiċli biex tkompli ħajtek. Jiena komplejt, imma diffiċli ħafna. Meta l-għeżież tagħkom għadhom ħajjin; ommok, missierek, ħutek, xi għarus, għarusa, membri oħrajn tal-familja, ħbieb; ħobbuhom issa, sibu l-ħin għalihom issa, ferrħuhom u għinuhom issa, għaliex la darba jkunu telqu…

Fil-ħajja kollox tista’ ssolvi, kull problema minn hawn u minn hemm kollox tista’ ssolvi, iżda meta xi ħadd imut, ma tista’ tagħmel xejn iżjed, ħlief li titlob għalihom jekk temmen u tiftakar fil-memorji sbieħ. Biex ma nispiċċax fuq nota daqshekk kiebja; pjanaw iva, imma għixu għall-mument, u agħmlu l-aqwa li tistgħu f’dak il-mument u gawdu kemm tifilħu mingħajr ma tweġġgħu lil ħadd. Ħajja waħda għandna.

It-tim ta’ Gwida.mt japprezza immensament din l-intervista li Angela ġentilment aċċettat li tagħmel! Nirringrazzjawha mill-qalb għall-ħin tagħha u talli qasmet magħna tant ħsibijiet. Awguri għall-2026 għażiża!

Ritratti:

Angela Coleiro

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI