“Mijiet ta’ Tfal Fl-Indja Għexu Bis-Saħħa Tiegħek” – Gertrude Borg Mark Issellem Liz-Zija Tagħha

L-attriċi Gertrude Borg Mark sellmet lil zitha b’messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali, fejn fakkret il-ħajja ta’ dedikazzjoni, umiltà u servizz li għexet, filwaqt li esprimiet ukoll is-sens ta’ rabja tagħha quddiem it-tbatija li kellha ġġorr sal-aħħar ta’ ħajjitha.

"Kemm għażilt ħajja ta’ tbatija, ta’ umiltà, ta’ sempliċità zi! U l-ħajja baqgħet sal-aħħar titlob iktar minnek! Nirrabja," kitbet Gertrude fil-bidu tal-messaġġ tagħha. Hija qalet li zitha kienet ilha sentejn titlob biex il-Mulej isejħilha, u issa tinsab ma’ dawk li tant kienet tgħożż. "Strieħ, zi. Ilek sentejn titlob biex Isejjaħlek. Fl-aħħar qeda ħdejh u ħdejn dawk li għożżejt l-iktar: il-mummy tiegħi, oħtok l-oħra, ommok, u waħda mit-tfal li rebbejt u ħabbejt daqslikieku kienet bintek."

Gertrude fakkret ukoll fil-ħidma missjunarja li wettqet zitha, b’mod partikolari fl-Indja, fejn qalet li l-imħabba u d-dedikazzjoni tagħha bidlu l-ħajja ta’ mijiet ta’ tfal. "Mijiet ta’ 'tfal' fl-Indja, għexu bis-saħħa tiegħek, bl-imħabba li tajt lil stranġieri, illum jilħqu tlett ġenerazzjonijiet."

L-attriċi rrakkontat kif kienet proprju zitha li nisslet fiha l-imħabba lejn il-missjoni u lejn dawk l-aktar fil-bżonn. "Grazzi talli sa minn meta kont tifla, żrajt fija l-imħabba lejn il-missjoni. Grazzi talli b'ħajtek, għallimtni nħobb lill-batut, lill-maħqur, liż-żgħir u lill-marid."

Fi tmiem il-messaġġ, Gertrude qalet li għalkemm bħalissa tħossha rrabjata għall-inġustizzji tad-dinja, tiftakar fil-kliem li kienet tgħidilha zitha, li dejjem kienet tħeġġiġha taċċetta dak li ma tistax tbiddel. "Hekk kif bħalissa ninsab irrabjata, niftakar kif int ma kontx tħallini nesprimi rrabja għall-inġustizzji, għar-regħba u għall-abbuż... kont dejjem tgħidli; 'din hi l-ħajja... X'tagħmel?!'"

Hija għalqet il-kitba tagħha b’tislima emozzjonanti, fejn qalet li għalkemm ma temminx fil-ġenna u fl-infern, temmen li zitha issa tinsab f’post ta’ paċi, u talbitha twassal tislima lil ommha. "Ma nemminx fil-ġenna u fl-infern... imma bħalissa żgur li int tinsab fl-iktar post komdu li jeżisti, ’il bogħod minn din id-dinja materjalista li ħallejt. U sellili għal ommi; min jaf x'tifraħ bik!"

Ritratti:

Matthew Cutajar – Facebook / Gertrude Borg Marks

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI