Spazju Kreattiv u Aġenzija Żgħażagħ għal darb’oħra ingħaqdu flimkien għall-ħames edizzjoni ta’ SongCraft, programm ta’ żvilupp professjonali mfassal għal kantawturi ta’ talent ta’ bejn l-14 u l-20 sena.
Din l-inizjattiva toffri lill-parteċipanti l-opportunità unika li jiġu mħarrġa minn kantanti lokali rinomati hekk kif jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u joħolqu kompożizzjonijiet oriġinali.
Il-programm jilħaq il-qofol tiegħu f’vetrina diretta fit-teatru Spazju Kreattiv f’Lulju 2025, fejn il-parteċipanti se jinterpretaw il-kanzunetti li ħolqu flimkien mat-tuturi tagħhom. Ser jinġibdu ritratti u filmati waqt l-istess avveniment.
SongCraft huwa aktar minn sempliċi programm, huwa pjattaforma għall-kantanti żgħażagħ biex jiżviluppaw il-vuċi artistika tagħhom, jiksbu għarfien professjonali, u jidħlu b’kunfidenza fl-industrija tal-mużika bil-gwida ta’ wħud mill-aqwa talent mużikali ta’ Malta.
Il-parteċipanti ta’ din is-sena huma; Amelia Kalabic, Gianluca Abdilla Castillo, Joao Davó, Kylie Meilak, Nathan Abdulhamid u Eliża Stellini.
Facebook/ Spazju Kreattiv