Spettaklu Bid-Drones Għall-Festa Ta’ San Ġużepp F’Ħal Għaxaq

Drone

Ħal Għaxaq jinsab lest biex jiċċelebra waħda mill-isbaħ u l-aktar festi tradizzjonali Maltin f’ġieħ San Ġużepp, b’ġimgħa sħiħa ta’ avvenimenti spettakolari li jgħaqqdu t-tradizzjoni, il-kultura, il-mużika u d-devozzjoni.

llum l-Erbgħa 3 ta’ Ġunju, għall-ewwel darba f’Ħal Għaxaq, wara l-marċ tradizzjonali, dawk preżenti se jkollhom l-opportunità jgawdu minn spettaklu uniku bid-drones.

Dan l-ispettaklu innovattiv se jdawwal is-sema b’wirja impressjonanti ta’ dwal u effetti viżivi li żgur se jinżlu tajjeb ma’ min se jkun preżenti.

Dan kollu se jkun sinkronizzat ma’ spettaklu awdjoviżiv fil-pjazza ta’ Ħal Għaxaq. Dan kollu wara marċ tradizzjonali kif jafu jagħmlu l-Ġużeppini Għaxqin u kif ukoll spettaklu ta’ nar tradizzjonali Malti li jibda fid-21:00.



default

Il-festa tkompli nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, meta t-toroq ta’ Ħal Għaxaq jimtlew bil-ferħ u l-entużjażmu tal-marċi brijużi organizzati mill-Għaqda Mużikali San Ġużepp Ħal Għaxaq.



Magħrufa madwar Malta kollha għall-marċi spettakolari tagħha, id-diversi baned mistiedna se jerġgħu joffru żewġ serati mimlijin mużika, kulur, briju u atmosfera li tagħmel il-festa Għaxqija waħda mill-aktar mistennija fil-kalendarju Malti.

Is-Sibt ikun immarkat minn spettaklu ieħor mill-aqwa, hekk kif is-sema ta’ Ħal Għaxaq jixgħel b’wirjiet ta’ logħob tan-nar mill-isbaħ, li jilħqu l-qofol tagħhom bix-show piromużikali tant mistenni “Flames of Fire”.

Din il-produzzjoni unika, li tgħaqqad il-mużika mal-effetti pirotekniċi, twiegħed esperjenza memorabbli għal dawk kollha li jattendu.



Għal din is-serata l-Għaqda Mużikali San Ġużepp se tkun qed toffri seated area biex dak li jkun isegwi b’mod sigur waqt li joqgħod komdu.

Iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ħadd, il-jum tal-festa, meta mijiet ta’ Għaxqin, devoti u viżitaturi jinġabru biex jieħdu sehem fil-purċissjoni solenni bl-istatwa artistika ta’ San Ġużepp, li tibda fis-19:00.

Din il-manifestazzjoni ta’ fidi u tradizzjoni, li tgħaddi mit-toroq tal-villaġġ armati bl-ifjen armar, tibqa’ waħda mill-isbaħ esperjenzi fil-festa Maltija u mument tassew speċjali għad-devoti ta’ dan il-qaddis.

Kemm jekk inti dilettant tal-kultura Maltija, segwaċi tal-festi jew sempliċement qed tfittex esperjenza unika, il-Ġimgħa tal-Festa ta’ San Ġużepp f’Ħal Għaxaq toffri programm li ma tridx titlef.

Għal aktar informazzjoni, aġġornamenti u l-programm sħiħ tal-attivitajiet, żur il-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp Ħal Għaxaq.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI