Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The People of Malta laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Dr Yana Psaila, mara li verament għandha għal qalbha l-lingwa Maltija.
Bdiet billi qalet, “Mhux l-ewwel darba jaħsbuni turista u jibqgħu skantati meta nweġibhom lura bil-Malti. Meta mis-Siberja ġejt Malta u ddeċidejt li nibni ħajti hawn, stajt bqajt komda, bħal ħafna barranin oħra, u nuża l-lingwa Ingliża biex nikkomunika. Hawn Malta faċli tinqeda bl-Ingliż għax il-maġġoranza se jifhmuk. Imma, nemmen li biex tintegra u jkun hemm ċerta intimità, kien meħtieġ li nitgħallem il-Malti. In-nies jafdawk iktar meta turi li taf titkellem bil-Malti u mhux iżommu dik id-distanza minnek għax jarawk bħala barranija għalkollox. Ilni Malta 22 sena. Kien fl-1997 meta jiena, ħija u ommi ġejna għal btala hawn Malta. Għoġobna kollox. Wara, erġajna ġejna xi erba’ darbiet oħra. Fl-2004, imbagħad, spiċċajt iltqajt mar-raġel futur tiegħi, Jean Paul Psaila.”
Żiedet, “Jiena lingwista u traduttriċi. Meta ġejt hawn kont gradwata b’Masters fil-lingwistika bi speċjalizzazzjoni fil-lingwa Ingliża. Ommi kienet filologa u traduttriċi wkoll. Trabbejt f’ambjent li għenni nsir inħobb il-lingwi. F’Malta, mill-ewwel bdejt nistudja l-Malti waħdi. L-ewwel ktieb u l-uniku wieħed li studjajt minnu kien ‘Learn Maltese, why not?’ ta’ Joseph Vella. Ktieb antik u l-aqwa wieħed. Imbagħad kont naqbad xi rivisti Maltin, bħal ‘Flimkien’, naqbad żewġ sentenzi kuljum, infittex kelma kelma fid-dizzjunarju, biex imbagħad maż-żmien spiċċajt naqra artikli twal. Kont nisma’ r-radju bil-Malti. Sentejn wara saħansitra ħdimt bħala attriċi fil-produzzjoni televiżiva ‘Gizelle’. Il-prattika teħtieġ li tisma’, titkellem u tibni sentenzi kif suppost. Dak iż-żmien ma kienx hawn ir-riżorsi online li għandna llum. Bżajt li l-lingwa mhux se naħkimha u nitgħallimha għax wisq kumplikata. Imma qatt ma qtajt qalbi. Bqajt nistudja l-Malti. Wara seba’ snin li kont ili hawn, għamilt l-eżamijiet tal-Matsec tal-Malti bħala lingwa nattiva kemm fuq livell Sekondarju (SEC) kif ukoll fuq livell Avvanzat.”
Qalet ukoll, “Ridt nagħti l-kontribut tiegħi bħala lingwista u b’hekk bdejt nikteb poeżiji bil-Malti għax kelli għarfien tal-lingwa letterarja. Fl-2013 ħriġt ktejjeb bil-poeżiji tiegħi ‘L-Imħabba tal-Istilla Polari’. Fl-2014 ħriġt frażarju mir-Russu għall-Malti u ieħor mill-Malti għar-Russu. Bdejt nittraduċi l-poeżiji mir-Russu għall-Malti. Ħriġt ukoll ‘Antoloġija tal-Poeżija Russa’. Ittraduċejt ukoll kważi l-poeżiji kollha ta’ Dun Karm mill-Malti għar-Russu u xi kotba ta’ Trevor Żahra. Għandi 51 novella tad-39 kittieb Malti maqlubin għar-Russu u lesti għall-pubblikazzjoni. L-għatx għal-lingwa qiegħed fija. Milux sirt anke qarrejja tal-provi kkwalifikata wara li temmejt b’suċċess il-Kors tal-Qari tal-Provi bil-Malti offrut mill-Università ta’ Malta.”
Kompliet, “Il-lingwa Maltija ħobbuha u tkellmuha mat-tfal tagħkom. Għax il-lingwa hija t-turija tal-identità ta’ poplu. U jekk mhux se tieħdu ħsiebha intom, il-lingwa se tintilef. Meta tħalli lill-barrani joħodlok il-lingwa tiegħek, jispiċċa jieħu f’idejh l-identità ta’ pajjiżek. L-awtoritajiet għandhom jieħdu ħsieb li jsaħħu l-użu tal-ilsien Malti. Il-lingwa hi l-uniku element li jżomm il-poplu magħqud u protett bħala nazzjon. L-Ingliż hu bżonjuż, imma agħtu prijorità lill-Malti!”